L-Eks Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo jinsab diżappuntat li ma ntagħżilx flok Graziella Galea biex jokkupa s-siġġu parlamentari li ħalla David Thake wara li nqabad li ma ħallasx il-VAT dovuta lill-Istat.
Żvelat dan il-gazzetta The Times hekk kif fakkret li Ivan Bartolo kien dak id-Deputat li ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu f’Ottubru tal-2020 sabiex joħodlu postu Bernard Grech, meta ġie elett Kap Nazzjonalista.
Meta kkuntattjat minn The Times, Bartolo qal hekk.
“Inkun qed nigdeb jekk ngħid li ma mhiniex diżappuntat.”
Mal-istess gazzetta kien hemm ukoll diversi sorsi fid-Dar Ċentrali li stennew li Bartolo jerġa’ jingħata siġġu parlamentari wara li kien issagrifikah għal Bernard Grech.
Madankollu dan ma kellux ikun, hekk kif it-tmexxija tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista minflok għażlet lil Graziella Galea.
Ma’ Bartolo, tħalla l-art ukoll l-Avukat Joe Giglio.
Il-ġimgħa l-oħra l-gazzetta KullĦadd żvelat kif dan sar fuq ordni tal-hekk imsejħa Blue Heroes biex jiġu protetti l-interessi elettorali ta’ Jason Azzopardi u Karol Aquilina hekk kif Joe Giglio jikkandida ruħu fuq id-distretti ta’ dawn iż-żewġ bastjuni tal-establishment Nazzjonalista.
Is-sorsi tal-gazzetta KullĦadd, fil-fatt kienu spjegaw kif Bernard Grech kien għal kollox eżiljat minn din id-deċiżjoni biex ikun żgurat li Giglio ma jingħatax siġġu parlamentari
Dan hekk kif lil Jason Azzopardi u Karol Aquilina ma niżlitilhomx tajjeb mill-bidu, il-kandidatura ta’ Giglio u għalhekk din id-darba kienu ċari kristall mal-Kap u n-nies ta’ madwaru.
Dik li mhux biss ma kellhiex tgħaddi minn moħħhom li jipproponu lil Giglio, iżda lanqas kellu jkun hemm iċ-ċans li din tiġi diskussa
Il-KullĦadd kienet irrappurtat ukoll kif l-għaqda Repubblika kienet kontra li Giglio jsir parti mill-Grupp Parlamentari.
Dan hekk kif il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina iddefenda lil ħuh, Karol Aquilina.