Il-Qdusija tiegħu il-Papa Franġisku qal li l-Knisja, bl-għajnuna t’Alla, hija mpenjata sabiex issir ġustizzja mal-vittmi ta’ abbuż sesswali mill-membri tagħha.
Minkejja li ma għamilx referenza għar-rapport li ħareġ nhar il-Ħamis, Il-Papa tenna li l-Knisja Kattolika se tkompli tindirizza l-iskandlu tal-abbuż.
Mir-rapport, ippublikat jumejn ilu, ħareġ li l-Papa Emeritu Benedittu XVI kien passiv quddiem allegazjonijiet ta’ abbużi sesswali meta hu kien Arċisqof ta’ Munich fis-snin 70 u 80.
Il-Papa Franġisku nnota li ftit żmien ilu l-Vatikan aġġorna l-politika tiegħu, sabiex jitratta b’mod aktar effettiv il-każijiet ta’ abbuż.
Meta lbieraħ kien f’laqgħa mal-membri tal-Vatikan li jieħdu ħsieb każijiet ta’ dawn it-tip, il-Qdusija Tiegħu saħaq li dan biss mhux biżejjed, madanakollu huwa pass meħtieġ biex tibda ssir ġustizza fost oħrajn.