Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta nediet dokument għad-diskussjoni bil-għan li tħeġġeġ liċ-ċittadini Maltin jirriflettu fuq kif bħala pajjiż nistgħu naħdmu sabiex tkompli tinbena l-paċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof ġie spjegat kif dan id-dokument ingħata l-isem ta’ Yahad, terminu bl-Ebrajk li jirreferi għas-sens ta’ għaqda u komunità.
Id-dokument ta’ paċi li anke ġie mniedi apposta fis-sena tal-elezzjoni, jisħaq fuq is-sens ta’ rikonċiljazzjoni u djalogu bejn in-nies.
Dan id-dokument huwa imsejjes fuq tliet pilastri, fosthom fuq dak li qal il-Papa Franġisku li jrid komunità li twarrab “il-kultura tal-ħela” u tagħmel post “għall-kultura tal-laqgħa.”
F’kumment, il-President tal-Kummissjoni Daniel Darmanin semma wkoll kif fid-dokument il-Knisja qed tipproponi bosta għodod.
Qal, “Nipproponu ammont ta’ għodod li t-tgħalim tal-knisja li jgħinuna f’din il-mixja tagħna lejn l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali. Dawn huma il-verita, it-temperanza, il-kuraġġ kreattiv u anke l-paċenzja ħanina. Ovvjament fid-dokument nidħlu fid-dettal ta’ kif dawn jistgħu jgħinuna aħna ngħelbu dawn l-isfidi u anke l-preġudizzji li aħna forsi jkollna bejnietna.”
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi semma kif dawn il-proposti jolqtu lil kulħadd inkluż il-komunità nisranija.
Hawnhekk huwa saħaq ukoll li dan id-dokument jagħti suġġerimenti siewja ħafna, u huwa wkoll ta’ inkoraġġiment kbir għal kull min qed jagħti diġà kontribut validu fis-soċjetà.
Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-individwi, familji, komunitajiet u l-politiċi sabiex jieħdu sehem f’din id-diskussjoni.