Is-sit awtorevoli Politico poġġa lill-Ewroparlamentari Malti Alex Agius Saliba fis-sezzjoni tal-People To Watch fil-qasam diġitali għas-sena 2022.
Politico qal li Dr Agius Saliba huwa wieħed min-numru żgħir ta’ persuni li fuq bażi Ewropea se jkollu influwenza qawwija fuq il-politika diġitali Ewropea.
L-Ewroparlamentari Laburista qiegħed imexxi n-negozjati f’isem il-Parlament Ewropew sabiex fl-Unjoni Ewropea ikollha charger wieħed komuni għal tagħmir elettroniku, li se jkun ifisser anqas inkonvjent u spejjeż fuq iċ-ċittadini Ewropej.
F’dawn in-negozjati, Agius Saliba qiegħed imexxi diskussjonijiet importanti fil-Parlament Ewropew, mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u kif ukoll ma’ bosta ġganti fl-industrija tat-teknoloġija.
Politico nnota li din il-ħidma ser twassal sabiex dan iċ-charger komuni jkun disponibbli wkoll għal kategoriji varji ta’ tagħmir li jintużaw ta’ kuljum, fosthom laptops.
Politico saħaq ukoll li f’dan kollu qed jiġi rispettat il-qasam ambjentali, hekk kif se jitnaqqas b’mod drastiku l-iskart elettroniku madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif ta’ kull sena jiġi ġġenerat bejn ħdax u tlettax-il elf tunellata ta’ skart relatat ma’ chargers.
Alex Agius Saliba qal li jilqa’ b’sodisfazzjon din l-analiżi u l-attenzjoni li qiegħed jingħata mis-sit awtorevoli Politico għall-ħidma li qed iwettaq fil-qasam diġitali.
Huwa qal li dan ikompli jimlih b’aktar kuraġġ u determinazzjoni sabiex jaħdem aktar f’dan is-settur li se jkun qed jagħmel id-differenza b’mod tanġibbli fil-ħajja tan-nies.