Minn mindu ġiet stabbilità l-għotja tal-programm ta’ residenza li jista’ jwassal għaċ-ċittadinanza, minn dan il-programm ġie ġġenerat b’mod dirett; biljun u mija u tletin miljun ewro u meta tqis l-effett indirett fosthom minħabba l-kirjiet, l-ammont jitla’ għal biljun u seba’ mitt miljun ewro.
Dawn l-għotjiet ġew trasferiti lill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF u l-Fond Konsolidat filwaqt li miljun u tminn mitt elf ewro ġew mogħtija minn applikanti li ntagħżlu fil-programm lill-għaqdiet mhux governattivi lokali sal-aħħar tas-sena li għaddiet.
Is-sena l-oħra, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza iffinalizza l-ipproċessar ta’ 1,563 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ persuni bħala ċittadini Maltin.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet, li fakkret is-sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Komunità Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija spjega l-għanijiet prinċipali ta’ din l-Aġenzija u l-irwol li qed taqdi filwaqt li tappoġġja numru ta’ proġetti relatati ma’ għanijiet soċjali jew filantropiċi li huma kkunsidrati ta’ importanza nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv Joseph Mizzi stqarr, “L-aġenzija Komunità Malta twaqqfet bl-għan speċifiku sabiex tikkordina l-funzjonijiet li hemm fil-liġi taċ-ċittadinanza f’entità waħda. Funzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-għoti ta’ ċittadinanza b’investiment kif ukoll dispożizzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-għoti ta’ ċittadinanza b’reġistrazzjoni u naturalizazzjoni.”
Ġie spjegat kif wara l-Emendi fil-liġi dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-Aġenzija kompliet tindirizza l-iżbilanċ soċjali li bih tfal imwielda barra ż-żwieġ ta’ missier Malti ma kinux jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija awtomatikament mat-twelid, bħal fil-każ ta’ tfal imwielda f’ċirkostanzi simili għal omm Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat spjega kif din l-Aġenzija qed taqdi rwol importanti ferm fid-dawl li l-programm ta’ residenza li jista’ jwassal għaċ-ċittadinanza, qed joffri sostenn qawwi lil pajjiżna.
Muscat sostna, “Kemm ilhom jeżistu l-programmi ta’ ċittadinanza, llum il-ġurnata programm ta’ residenza b’investiment ġew iġġenerati ’l fuq minn elf u seba mitt miljun ewro f’mod dirett. Jiġifieri l-importanza ta’ din l-aġenzija f’mument tant importanti f’realtà ta’ pandemija huwa wieħed kbir.”