Bernard Grech ma weġibx hekk kif minn ONE News kien mistoqsi dak li ammetta mal-Maltatoday; jiġifieri li f’laqgħat li kellu fi Strasburgu, fil-fora Ewropej, ma għamilx argumenti favur għala Malta għandha tgawdi minn fondi Ewropej għall-proġett tal-pipeline tal-gass u li minnu eventwalment jibda jgħaddi l-idroġenu, gass iktar nadif mil-LNG.
Barra l-Parlament, evidentament, Bernard Grech kien skomdu quddiem il-mistoqsijiet li ħadem kontra l-interess nazzjonali u ma riedx jgħid għaliex din il-materja daqstant importanti għal pajjiżna ma tpoġġietx fuq l-aġenda f’laqgħat li kellu fi Strasburgu.
Fosthom anke laqgħa mal-Ewro-Parlamentari Taljan Antonio Tajani li kien qed iqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar jekk pajjiżna għandux igawdi mill-fondi Ewropej għall-proġett imsemmi.
Il-ġurnalist ta’ ONE staqsa, “Fil-laqgħat li kellek għamiltha fuq l-agenda?”
Bernard Grech qal, “Ma tridiex ir-risposta?”
Il-ġurnalist ta’ ONE sostna, “Qed nistaqsik?” “Bħala ġurnalista għandi dritt nistaqsik u nagħmel followup questions ukoll.”
Bernard Grech qal, “Tridha r-risposta?” Mela li kieku ma kienx għall-Partit Nazzjonalista, Malta ma jkollha l-ebda fondi, għax daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea.”
Il-ġurnalist Colin Deguara rrimarka, ‘Jien staqsejtek…”
“Ma tridiex ir-risposta.” Qal Grech.
Il-ġurnalist sostna, “Le le ma weġibtnix u n-nies qed jindunaw li qed taħrab Dr Grech.”
Fi Strasburgu mal-Maltatoday, Bernard Grech ma lissinx kelma favur li Malta tikseb il-finanzjament Ewropew għall-pipeline, meta mistoqsi dirett mill-ġurnalista jekk Malta għandhiex tiċċaħħad mill-fondi Ewropej għall-proġett.
Bernard Grech qal, “Fir-rigward tal-fondi rridu naraw li r-regoli Ewropej jiġu attwati u allura jekk hemm nuqqasijiet f’dak is-sens, irridu dawk ir-regoli jiġu segwiti b’mod verament ristrett.”
Ma’ ONE News barra l-Parlament, Bernard Grech kien konxju li kien falla li jġib l-interess nazzjonali l-ewwel fil-laqgħat tiegħu ma’ barra.
Minflok b’ċertu prepotenza, dak li kien qal li jistħi jgħid li hu Malti, mhux biss qagħad jiżżufjetta bil-mistoqsijiet iżda qal hekk ukoll.
Bernard Grech qal, “Take 2…nagħmlu Take 2”
Il-ġurnalist ta’ ONE stqarr, “Le, ifhimni, ħafna drabi ma tirrispondinix l-ewwel darba u nippruvaw nieħdu t-tweġiba t-tieni darba.
Grech wieġeb, “Aħna ġid lill-Ewropa u lil Malta nagħmlu.”