Permezz ta’ stqarrija, is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami kompliet tisfida lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-kwistjoni ta’ proġett ta’ żvilupp ta’ parkeġġ fejn kien hemm it-Trade Fair fin-Naxxar.
Fil-fatt fi stqarrija maħruġa mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar, ġiet imtennija l-pożizzjoni tas-Sindku Fenech Adami, li hi vvutat b’mod korrett fuq il-proġett propost imressaq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Muscat Fenech Adami kienet intalbet biex tirriżenja mill-Kap Bernard Grech wara allegazzjonijiet li hi setgħet kellha kunflitt ta’ interess fuq il-proġett, xi ħaġa li s-Sindku Naxxarija dejjem ċaħdet.
Wara li Muscat Fenech Adami ma rriżenjatx, permezz tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, Bernard Grech qal li s-Sindku tan-Naxxar se tittella’ quddiem il-Kummissjoni għall-Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li Muscat Fenech Adami kienet diġà sfidat lil Grech u qalet li mhux se tirriżenja u akkużat lill-Kap Nazzjonalista b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti.
Fl-aħħar jiem, il-midja indipendenti nnutat id-double standards tal-Kap Nazzjonalista li għamel messa in scena għal għajn in-nies ma’ Muscat Fenech Adami iżda lil David Thake baqa’ jakkomodah u pprova minn kollox biex jevita r-riżenja tiegħu, anki jekk inqabad li ma ħallasx qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta.
F’editorjal it-Times kienet kitbet li l-Partit Nazzjonalista qal li fuq Muscat Fenech Adami mhux sew jingħaddu ċertu kummenti qabel bħalikieku kollox maħdum u lest.
U hawn l-editur tat-Times innota li Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista għamlu propju hekk u ppreġudikaw il-każ hekk kif talbu għar-riżenja ta’ Muscat Fenech Adami.
“Lanqas sospensjoni ma ntalbet iżda riżenja f’temp ta’ erbgħa u għoxrin siegħa”, kien kiteb l-editur tat-Times ftit tal-jiem ilu.
ONE News kien żvela wkoll minn sorsi fid-Dar Ċentrali, li l-kwistjoni tas-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, tmur ferm lil hinn mill-vot f’bord tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-imsemmi proġett.
Fil-fatt kien hemm min hu tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li poġġiet lil Bernard Grech Kap, li għorok idejh għal dak li għamel Grech ma’ Muscat Fenech Adami.
Fost dawn kien hemm Claudette Buttigieg, li tikkontesta d-distrett li jinkludi n-Naxxar.
Fil-fatt nies bħall-imsemmija kienu beżgħana li Muscat Fenech Adami setgħet tikkunsidra l-elezzjoni ġenerali u din kienet xi ħaġa li ma xtaqux peress li fl-aħħar snin is-Sindku dehret iżżid il-popolarità man-Naxxarin.