Is-sena l-oħra kienet sena ta’ rekords meteoroloġiċi.
Dan skont stqarrija mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li kkonfermat li s-sena li ġiet fi tmiemha ftit tal-ġimgħat ilu, spiċċat fuq nota xemxija iżda xorta waħda aktar kiesħa min-normal.
Fil-fatt , ix-xahar ta’ Diċembru kellu 18-il siegħa xemxin aktar min-normal iżda t-temperatura tal-arja kienet 0.6˚C aktar baxxa mit-temperatura mbassra. Dan filwaqt li matul dan ix-xahar niżlet 32% inqas xita minn dik mistennija.
It-temperaturi fi tmiem is-sena jikkuntrastaw sew ma’ dawk fil-bidu tas-sena hekk kif it-temperaturi f’Jannar u Frar kienu ferm ogħla u anki aktar xotti minn xhur oħra.
L-ogħla temperatura rreġistrata matul is-sena l-oħra ntlaħqet fix-xahar ta’ Ġunju fejn inkiser ukoll rekord għal dan ix-xahar partikolari permezz ta’ 41.5˚C.
Dan grazzi għall-mewġa ta’ sħana twila 12-il jum li esperjenzaw il-gżejjer Maltin. Iżda din ma kinitx l-unika mewġa li esperjenzajna matul is-Sajf li għadda u fil-fatt dawn ix-xhur sajfin kienu aktar sħan u xotti milli mistenni.
Dan filwaqt li l-ħarifa tatna nifs mill-qilla tas-sajf hekk kif it-temperatura tal-arja laħqet medja ta’ 26.3°C f’Settembru. Liema xahar, l-ammont ta’ xita ġiet imkejla 18.4mm.
Dan qed jitqies bħala ħafna aktar baxx min-norma klimatika li tiġi osservata normalment f’Settembru.
Din l-istorja ma rrepetietx ruħha f’Ottubru hekk kif niżlu 246.2mm ta’ xita biex b’hekk Ottubru tas-sena l-oħra kien it-tielet l-aktar Ottubru mxarrab mill-1922.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku nnota li matul ix-xahar ta’ Novembru niżlu 413.2mm ta’ xita u l-gżejjer Maltin kienu ilhom ma jesperjenzaw ħarifa daqstant imxarrba għal 22 sena.
Dan filwaqt li ġew osservati li matul is-sena l-oħra minn total ta’ 25, 17 -il maltempata kienu mżewqa bis-sajjetti u x-xita mbagħad f’Diċembru, Jannar u Marzu ġew osservati ħalbiet ta’ xita bis-silġ.
Kien fil-15 ta’ Frar li ġiet irreġistrata l-aktar temperatura baxxa tal-2021 fejn it-temperatura tal-arja niżlet għal 5.8°C.