Graziella Galea se tkun co-opted fil-Parlament bħala Deputat Nazzjonalista flok David Thake, li rriżenja wara li nqabad li ma ħallasx qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Galea se tiġi co-opted wara li ġiet approvata mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista iżda meta rriżenja Thake, il-Kap Bernard Grech mal-ewwel semma lil Graziella Galea biex tiġi co-opted.
Nhar il-Ħadd, il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li d-deċiżjoni biex Graziella Galea tiġi co-opted fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ħaduha dawk li fil-Partit huma magħrufin bħala l-Blue Heroes, li għal darb’oħra raw li, f’dan kollu, jitħarsu l-interessi tagħhom.
Fl-artiklu tagħha, il-gazzetta KullĦadd spjegat ir-raġunijiet ewlenin għaliex Bernard Grech ġie ordnat isemmi mal-ewwel lil Graziella Galea biex jibqa’ barra, Joe Giglio.
Fil-fatt, il-Kulħadd irrappurtat kif l-għażla ta’ Galea kienet kollox barra għażla ta’ Bernard Grech hekk kif il-Kap attwali rriżulta li kellu pressjoni interna biex jassigura li l-Avukat Giglio ma jingħatax palata daqsekk qrib ta’ elezzjoni ġenerali.
Ir-raġuni ewlenija wara dan hija propju l-kandidatura ta’ Giglio fuq id-distretti ta’ żewġ protagonisti tal-Blue Heroes, Jason Azzopardi u Karol Aquilina.
Intant il-Partit Nazzjonalista qal li flok Roselyn Borg Knight bħala Segretarju Internazzjonali laħqet Veronica Perici Calascione wara li din kienet ikkontestata minn kandidat ieħor.
Borg Knight apparti li rriżenjat mill-kariga fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, irtirat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit ta’ Bernard Grech.
Ma’ Borg Knight irtiraw ukoll Therese Comodini Cachia, Hermann Schiavone, George Muscat u Tiffany Abela-Wadge.
Dawn ma jridux li fl-elezzjoni li jmiss ikunu kandidati Nazzjonalisti.