Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali huma l-ewwel żewġ mużewijiet ta’ Heritage Malta li introduċew miżuri li jgħinu lil viżitaturi bl-awtiżmu.
Din l-inizjattiva tħabbret mill-għaqda ‘Prisms’ f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
Waħda mill-miżuri hija li darba fil-ġimgħa, waranofsinhar, l-ambjent fil-mużewijiet imsemmija jsir aktar akkoljenti għal persuni bl-awtiżmu billi jitbaxxa d-dawl u l-volum tal-ħoss, ikun hemm rotot ta’ aċċess differenti mis-soltu, kif ukoll bil-preżenza ta’ membri tal-istaff imħarrġin apposta.
Barra minn hekk, iż-żjarat fiż-żewġ mużewijiet issa huma faċilitati bi stejjer soċjali viżivi u mapep sensorjali disponibbli mis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta.
Il-mapep jindikaw dawk il-partijiet fil-mużewijiet rispettivi li jistgħu jdejqu sensorjalment lil viżitaturi bl-awtiżmu minħabba dwal qawwija, ħoss għoli, art tal-ħġieġ jew irwejjaħ kimiċi. Hija indikata wkoll kamra apposta fejn jistgħu jmorru l-viżitaturi bl-awtiżmu li jkollhom bżonn spazju kwiet.
L-istejjer viżivi jippreparaw lill-viżitaturi prospettivi għal dak li se jesperjenzaw fiż-żewġ mużewijiet, u b’hekk jinħoloq sens ta’ familjarità mal-mużew qabel iż-żjara nnifisha. Permezz ta’ diversi ritratti, l-istejjer jipprovdu wkoll dettalji viżivi li jkomplu jiffaċilitaw iż-żjara, fosthom dwar fejn jinsabu l-lockers u t-toilets, kif ukoll dwar aċċessibbiltà.
Fl-impenn tagħha biex dejjem tkompli tiżdied l-aċċessibbiltà għal nies mill-oqsma kollha tas-soċjetà, Heritage Malta biħsiebha tintroduċi miżuri simili f’mużewijiet u siti oħrajn tagħha. Aktar tagħrif dwar il-miżuri kurrenti jinkisbu billi tintbagħat email lil education@heritagemalta.org