Joe Caruana se jinħatar bħala Kummissarju tat-Taxxi wara li Marvin Gaerty, li ilu jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tat-Taxxi għal diversi snin, se jkun qed jitlaq din il-kariga fuq talba tiegħu stess b’seħħ mill-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Wara li jtemm l-irwol bħala Kummissarju tat-Taxxi, Gaerty se jkun qed imexxi working group konsultattiv fil-qasam tat-taxxa fil-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Kienet il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li konfermat in-nomina ta’ Caruana mressqa mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.
Joe Caruana serva f’diversi Ministeri bħala Segretarju Permanenti, fosthom f’dak għall-Edukazzjoni, għall-Finanzi u bħalissa fil-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Il-Kap taċ-Ċivil ħatar lil Johan Galea biex ikun is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Galea ilu Segretarju Permanenti mill-2016 u serva fil-Ministeru għall-Ġustizzja.