Il-Gvern inawgura l-ewwel roundabout f’Malta li taħdem bil-pannelli fotovoltajiċi u bi pjanti favur il-pollinaturi.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-limiti ta’ Ħal Safi hekk kif ġie spjegat li b’investiment ta’ €56,000, l-apparat kollu ta’ din ir-roundabout jaħdem bl-elettriku.
Dan inkluż is-sistema ta’ tisqija tagħha li se tkunu qed tuża enerġija rinnovabbli ġġenerata miċ-ċelloli fotovoltajiċi installati.
Permezz ta’ din is-sistema li taħdem bl-enerġija solari qed jiġu evitati mal-għaxar kilogrammi t’emmissjonijiet tal-karbonju kuljum.
Dwar dan u aktar tkellimna mas-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula hekk kif spjega kif taħdem din ir-roundabout li saret minn Ambjent Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi u l-Environmental Landscapes Consortium (ELC), bħala l-kuntrattur.
“Meta nsemmu s-sistema qed ngħidu l-irrigazzjoni tal-arbuxelli li tħawwlu kemm fir-roundabout u kemm f’diversi soft areas li hawn fil-madwar. Qed jitħaddmu permezz tal-enerġija maħluqa mill-pannelli solari. Għandek ukoll il-funtana li ġiet installata mal-proġett, il-pompa tagħha u anke s-sistema ta’ dawl.”
Tenna wkoll li fi żmien qasir, persuni li għandhom roti tal-elettriku jistgħu jqabbdu r-rota tagħhom ma’ din is-sistema biex jiċċarġjawhom.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta
Tenna kif dan huwa eżempju wieħed ta’ kif kunsilli lokali u entitajiet oħra jistgħu jingħaqdu flimkien biex joħolqu proġetti sostenibbli u aċċenna għall-importanza li l-pajjiż jimxi favur infrastruttura li tagħmel użu minn sorsi rinovabbli.
“Għandna proġett sostenibbli mija fil-mija li l-enerġija kollha qed tittieħed minn dawn il-PV’s apparti minn hekk għandek ukoll l-arbuxelli li huma indiġeni u wkoll qed jgħin allura lill-biodiversità u jgħinu l-pollinaturi fil-madwar. Dan huwa proġett ambjentali sabiħ ukoll li nispera li jiġi kkupjat f’żoni oħra f’Malta u f’Għawdex.”
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li Ambjent Malta hija impenjata li timplimenta u tamministra żoni ta’ konservazzjoni, żoni protetti, infrastruttura ħadra, ambjent u żoni sensittivi filwaqt li tiżgura l-valur tal-kapital naturali ta’ Malta bħala riżors ekonomiku, soċjali u ambjentali.
Fil-fatt, fl-2021 biss, Ambjent Malta investiet aktar minn €350,000 għal proġetti ġodda ta’ tisbiħ mal-ELC.