Fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra ġew qrib id-disa’ mitt elf turist f’pajjiżna.
Dan ifisser kważi terz iżjed mill-istess perjodu ta’ sena qabel u ftit aktar minn darbtejn u nofs inqas mis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika l-NSO wriet li fl-ewwel ħdax-il xahar, in-nefqa tat-turisti żdiedet bi kważi 85% fuq l-istess perjodu ta’ sena qabel u laħqet kważi it-€816-il miljun.
F’Novembru li għadda waslu f’pajjiżna 127,183 turist.
Dan ifisser żieda ta’ 112,247 turist fuq l-istess xahar ta’ sena qabel.
Imqabbel ma’ Novembru ta’ sentejn ilu, meta ma kienx hawn pandemija, in-numru ta’ turisti f’pajjiżna xahrejn ilu kien ta’ 63,000 inqas.
Il-biċċa l-kbira tat-turisti li ġew f’pajjiżna fil-ħdax-il xahar tas-sena li għaddiet ġew bl-ajru hekk kif ftit aktar minn 125,000 ġew bl-ajruplan filwaqt li ftit aktar minn 2,000 turist ġew bil-baħar.
Il-biċċa l-kbira tat-turisti kienu jgħoddu bejn il-25 u l-44 sena.
F’din il-kategorija t’età kellek qrib l-54,400 turist.
In-numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’pajjiżna f’Novembru kien ta’ 883,040.
Ferm aktar min-nofs l-iljieli rreġistrati f’Novembru ġew minn turisti li qagħdu fost oħrajn f’lukandi.
L-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li minnu ġew turisti f’Novembru kien Franza filwaqt li r-Renju Unit baqa’ l-aktar pajjiż li minnu ġew turisti lejn Malta.
Ottubru li għadda jibqa’ meqjus bħala xahar b’saħħtu anki jekk huwa xahar fejn suppost l-andament fit-turiżmu jibda jbatti.
Fil-fatt f’Ottubru li għadda, in-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna żdied b’20,000 fuq Settembru.