Ġie ffirmat ftehim soċjali ieħor li se jissarraf f’finanzjament ta’ mitejn elf ewro fuq medda ta’ tliet snin mill-Gvern għall-Fondazzjoni St. Jeanne Antide.
Dan sabiex ikompli jiġu sostnuti is-servizzi li toffri din l-għaqda.
Din il-Fondazzjoni ilha mwaqqfa tlettax-il sena u tipprovdi programmi soċjali u umanitarji lill-familji vulnerabbli kif ukoll taħdem ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika.
Il-Fondazzjoni tagħti l-għajnuna meħtieġa imma saħansitra tidentifika l-familji li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi.
Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni li tmexxi l-operat tad-dar, Nora Macelli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni sostniet li dan il-ftehim se ikompli jgħin biex din il-Fondazzjoni tkompli toffri servizz tagħha fil-lokalitajiet ta’ Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija u Birżebbuġa.
Hija spjegat li dan il-ftehim isewgi ftehim ieħor li sar matul is-sena li għaddiet.
“Dawn iż-żewġ ftehimet, li llum semma l-Ministru u kellna ieħor is-sena l-oħra, jgħinuna biex ikollna ftit spazju mentali fejn nistrieħu minn dak ix-xogħol il-ħin kollu biex niksbu l-fondi. Hija parti mill-operat, u għalhekk qegħdin hawn illum servizz ta’ social working, ġej minn dan il-ftehim.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon spjega li dan il-ftehim se ikompli jgħin biex jitwassal aktar appoġġ f’livell individwali kif ukoll appoġġ soċjali mogħti fi gruppi.
Il-Ministru Falzon spjega li l-Gvern mhux qed jiddejaq xejn jagħti l-għajnuna li hemm bżonn.
“Qed naħdmu mal-istakeholders, partners magħna. Importanti li nkunu hemm flimkien għad-diffikultajiet tas-soċjetà. Dan il-ftehim partikolari, li għandu speċjali, huwa l-fatt li hu stess imur fil-komunità u jfittex u mhux biss nistennew lil minn jiġi.”