Kull min jixtieq jieħu l-booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19, jista’ jitlaqqam f’wieħed minn tmien ċentri madwar Malta u Għawdex li qed jilqgħu lin-nies mingħajr appuntament.
Dawn iċ-ċentri jinsabu fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid, il-Barracks tas-suldati f’Ħal Luqa, il-bereġ ta’ Tas-Sliema, tal-Mellieħa, tan-Naxxar u ta’ Santa Venera, u ċ-ċentru tal-POYC f’Raħal Ġdid. F’Għawdex, wieħed jista’ jmur jieħu l-booster fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Kerċem.
Fil-Barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa, il-koordinatur tal-programm ta’ vaċċinazzjoni, Jorgen Souness spjega li min imur biex jieħu l-booster irid jieħu miegħu karta tal-identità.
Huwa qal li “s-sistema tal-walk-in taħdem billi inti tmur f’wieħed minn dawn iċ-ċentri li għandna miftuħin, wieħed minnhom huwa hawnhekk, il-Barracks ta’ Ħal Luqa, u tingħata l-booster dose mingħajr appuntament. F’dawn iċ-ċentri wkoll tista’ tingħata t-tieni doża tiegħek jew anki l-ewwel doża jekk għadek ma ħadthomx.”
L-Uffiċjal Mediku fil-Barracks tal-Forzi Armati, spjega l-proċess meta wieħed imur jitlaqqam bla appuntament.
Saħaq li“n-nies li huma interessati qed jiġu mal-gate tal-Forzi Armati ta’ Ħal Luqa, jiddaħħlu fiċ-ċentru mediku u jiġu rreġistrati u jiddaħħlu biex jingħataw il-vaċċin. Dan wara li nistaqsuhom ċertu affarijiet, bażikament biex naraw jekk kienx hemm xi reazzjoni wara l-ewwel żewġ dożi. Wara li jieħdu l-vaċċin nipproċedu biex nirreġistrawhom fuq is-sistema u nesportawhom lura biex imorru d-dar, jiġifieri proċess mgħaġġel li jieħu ftit minuti.”
Fl-ewwel jum ta’ tilqim bla appuntamenti, kien hemm konkorrenza tajba ħafna iżda min xorta jippreferi li jsirlu appuntament, jista’ jirreġistra fuq vaccin.gov.mt.
Souness spjega li “nistgħu ngħidu li l-konkorrenza hija tajba ħafna. Dawn il-postijiet qed jilqgħu nies bla appuntament, dak li jkun jista’, minflok japplika, ikun waqt il-ħin tax-xogħol, jew ikun għaddej mill-viċin u jara ċentru, jista’ jaqbad u jieħu d-doża mingħajr ma jkun applika għal appuntament mentri dawk li jixtiequ japplikaw xorta biex ma jsibux kju jew inkella jkunu jridu ġurnata partikolari jew ħin partikolari, jistgħu japplikaw u aħna nagħtuhom appuntament il-Blood Bank il-Pietà jew Gateway University.”
Intant, fil-jiem li ġejjin se jkun hawn diversi kliniċi mobbli f’lokalitajiet differenti biex it-tilqim ikun kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.
It-Tlieta 18 ta’ Jannar, il-klinika mobbli se tkun biswit il-knisja parrokkjali taż-Żejtun. Il-Ħamis imbagħad din se tkun ħdejn il-knisja ta’ Raħal Ġdid, fil-25 ta’ Jannar ħdejn il-Millennium Chapel u fit-28 ta’ dan ix-xahar, ħdejn il-knisja tal-Qawra.
Fl-ewwel ta’ Frar imbagħad, il-klinika mobbli se tkun ħdejn il-Parlament filwaqt li tlett ijiem wara, din se tkun ħdejn il-knisja Ta’ Pinu f’Għawdex.