Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern jgħir għan-nies fin-negozju.
Bernard Grech qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Minkejja li waqt pandemija bosta, saħansitra anki l-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, faħħru l-għajnuna li ta l-Gvern, fosthom l-investiment ta’ €600 miljun fl-iskema tal-Covid Wage Supplement biss, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq hekk.
Grech qal, “Dawn jgħiru għalikom. Dawn jgħiru għan-nies fin-negozju.”
Bernard Grech ġie mistoqsi wkoll dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-Air Malta fejn tħabbar li minkejja ristrutturar li se jsir fi ħdan il-linja tal-ajru, l-ebda ħaddiem mhu ser jitlef l-impjieg tiegħu.
Grech tenna li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm pjan.
Hu qal, “Kellna pjan meta konnha fil-Gvern konnha nafu x’hemm bżonn isir u fejn se naslu.”
Madankollu hawn Bernard Grech konvenjentament naqas isemmi kif Gvern Nazzjonalista ried ikeċċi 600 ħaddiem mil-linja nazzjonali tal-ajru.
Intant Bernard Grech minkejja li jsostni li dan il-Gvern moħħu fl-elezzjoni, ma felaħx li ma’ kull argument li jsemmi jirreferi għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
Hu qal, “Aħna ma niddeċidux li nagħtu xi ħaġa għax jista jkun li ġejja xahrejn oħra.” u, “Moħħu meta se jagħmel elezzjoni.” kif ukoll, “Id-deċiżjonijiet tiegħu huma biss imsejsa fuq l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.”
Grech saħansitra qal, “Din hija l-għażla li għandu l-poplu fix-xhur li ġejjin.” u, “Gimmick ta’ qabel l-elezzjoni.”
Hawnhekk Bernard Grech ried jagħti tiegħu lil ħaddieħor, bħal meta wera fil-beraħ l-ossessjoni tiegħu għall-elezzjoni.
Hu qal, “Aħna rridu li mill-aktar fis possibbli noħorġu mill-pandemija ħalli mmorru għall-elezzjoni.”