Pjazza Annunzjata f’Tas-Sliema ġiet riġenerata fi proġett ta’ €262,000 li nħadem mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Ir-riġenerazzjoni kienet imsejsa fuq pjan maħsub u b’viżjoni li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
F’din il-pjazza sar disinn mill-ġdid tal-parkeġġ biex issa jmur id f’id mal-istandards tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Perit Alex Cutajar, li ħa ħsieb ix-xogħol fuq din il-pjazza, qal li fost ix-xogħlijiet, tneħħa xi materjal antik, sar pavimentar ġdid, tpoġġew lampi ġodda u sar it-tindif ta’ xelter.
“Bdilna wkoll xi servizzi li kellhom jinbidlu taħt l-art, qabel ma għamilna l-pavimentar. Kif tistgħu taraw, ipprovdejna lampi LED li ma jaħlux biex inkomplu nsebbħu l-pjazza kif xtaqna.”
Il-pjazza ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg li rrimarka li l-proġett għandu għanijiet infrastrutturali, soċjali u ambjentali.
“Irriġenerajna l-Pjazza Annunzjata fejn qed tidher totalment differenti u ġdida. Anke waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet irrid li jintlaħaq il-bilanċ bejn spazji miftuħa u anke dakinhar il-parkeġġi tar-residenzi. Però meta wieħed jinvesti l-flus biex ikollok spazju miftuħ allura rridu nirrispetaw dawk il-fondi u ġew utilizzati għal dak il-għan.”