Is-Sibt 29 ta’ Jannar se tittella’ l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech spjega li dan l-avveniment se jinkludi ġimgħa ta’ attivitajiet intenzjonati biex iġibu flimkien produtturi, ħaddiema tal-industrija tal-films, kumpaniji privati kif ukoll awtoritajiet tal-Gvern, li fi spirtu ta’ diskussjoni jagħtu l-veduti tagħhom dwar x’għandha tkun it-triq ’il quddiem għal din l-industrija.
“Bejn it-Tnejn 24 ta’ Jannar u s-Sibt 29 ta’ Jannar se nkunu qed niddiskutu temi differenti ta’ kif aħna ser inkomplu nkunu aktar kompettitivi ta’ kif aħna sen komplu nsaħħu s-sinerġiji li jeżistu bejn industriji differenti.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif il-politika tad-diskussjoni għandha twassal biex inkomplu ntejbu l-ħiliet awdjoviżivi Maltin tant rispettati fid-dinja ċinematografika.
Huwa fakkar ukoll fl-impatt massiċċ li qed tħalli din l-industrija f’pajjiżna hekk kif propju ftit tal-jiem ilu tħabbar li s-sena l-oħra, din l-industrija ħalliet €68 miljun fl-ekonomija Maltija.
“Ħdimna ħafna diġà iżda fil-ħajja taħdem kemm taħdem dejjem importanti li żżid iktar il-ħidma tiegħek u xxammar il-kliem u minflok ma nieqfu fuq riżultati pożittivi preżenti li għandna llum inħarsu ’l quddiem u naraw kif nistgħu nibnu fuq il-pedamenti sodi li għandna llum biex ’il quddiem inkomplu niksbu iżjed riżultati pożittivi u iżjed suċċessi flimkien.”