Tħabbar pjan ċar ta’ ristruttur tal-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ingħata rendikont sħiħ tas-sitwazzjoni finanzjarja u operattiva tal-linja nazzjonali tal-ajru.
Il-pjan qed jara wkoll li filwaqt li joffri futur għall-Air Malta, ikun assigurat li l-ebda ħaddiem ma jispiċċa bla xogħol.
Fost l-oħrajn ġew imħabbra miri prinċipali li fuqhom huwa msejjes il-pjan għall-futur tal-Air Malta.
L-ewwelnett ser ikun qed jitnaqqas bin-nofs l-ammont ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija.
Dan permezz ta’ skema li ser tara mal-430 ħaddiem li mill-Air Malta ser jiġu trasferiti għal mal-Gvern.
Għal dan il-għan, mil-lum stess dawk il-ħaddiema li jixtiequ jitilqu l-kumpanija u minflok jaħdmu mal-Gvern qed ikunu mitluba juru x-xewqa tagħhom.
It-tieni mira ser tara li jkunu riveduti l-mod ta’ kif ikunu ffinanzjati l-ajruplani u l-kirjiet tagħhom.
Ser ikun qed isir l-innegozjar mill-ġdid ta’ sitt Ftehim Kollettiv differenti tal-ħaddiema li ser iressqu l-impjieg mal-kumpanija lejn standards internazzjonali.
Ser ikunu qed jitneħħew minn idejn l-Air Malta, il-Ground u l-Passenger Handling.
Dawn il-miri ser ikunu qed jintlaħqu sat-tieni kwart ta’ din is-sena.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi stqarr kif bħalissa l-linja tal-ajru qed tagħmel telf kbir u għalhekk filwaqt li titnaqqas l-ispiża, il-linja tal-ajru trid issir iżjed kompettitiva u produttiva.
“Aħna qed naħdmu f’settur li huwa kompetittiv ħafna, huwa settur li għaddej minn diffikultajiet kbar, li l-airlines l-oħra kollha qed jirristrutturaw biex isiru iżjed kompetittivi u aħna ma nistgħux nibqgħu lura. Mhux li nsiru kompetittivi biss, irridu nsiru l-produttività tal-linja tal-ajru, irridu nżidu l-flessibilità tan-nies tagħna biex naddattaw rwieħna għaċ-ċirkostanzi tal-lum.”
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana innota kif fuq ħmistax-il sena, il-kumpanija għamlet telf ta’ €330 miljun.
Stqarr kif għad-deċiżjonijiet ħżiena li wasslu l-Air Malta f’dan l-istat mhux ser ikunu qed iħallsu n-nies.
“Id-deċiżjonijiet tal-lum stajna nirrimandawhom għal iktar ’il quddiem, ngħidu aħna għal wara l-elezzjoni ġenerali. Iżda r-responsabbilità u l-irġulija jitolbu lil hinn minn hekk, kien propju għalhekk illi llum flimkien maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta ħabbarna x’deċiżjonijiet ittieħdu fil-passat, x’inhuma d-deċiżjonijiet li rridu nieħdu fil-jiem li ġejjin sabiex flimkien nassiguraw li l-linja nazzjonali ta’ dan il-pajjiż ikollha futur.”