Għall-ħabta ta’ nofsinhar, raġel waqa’ minn fuq l-irdum fl-inħawi magħrufa bħala l-Ġolf tat-Tafal, ix-Xgħajra.
Waqt li grupp ta’ ħbieb kienu qed isuqu quad bikes, għal xi raġuni wieħed minnhom, raġel ta’ 34 sena residenti ż-Żejtun waqa’ għal isfel minn fuq l-irdum u ġie fuq il-blat.
Fuq il-post issejjħu l-Pulizija, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta permezz ta’ helikopter, kif ukoll ambulanza b’tim mediku. Sfortunatament ir-raġel miet waqt li kien qed jiġi assistit sabiex jittella`.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. J. Mifsud li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.