Bernard Grech inqabad iħawwad dwar in-nuqqasijiet li kellu marbuta mal-ħlas ta’ taxxa u VAT.
Waqt li konna qed nistaqsuh dwar in-nuqqasijiet li għandu David Thake, Bernard Grech spiċċa jgiddeb is-sewwa magħruf dwar in-nuqqasijiet tiegħu stess.
Dan hekk kif qal li huwa kien ħallas il-pendenzi tal-VAT u Taxxa qabel iddeċieda li jidħol fil-politika.
Bernard Grech: “Ħallasthom qabel kif kien dmir tiegħi.”
Colin Deguara: “Ħallasthom kif iddeċidejt li tidħol għal Kap.”
Bernard Grech: “Mhu vera xejn.”
Madankollu, il-Partit tiegħu stess igiddeb din l-istqarrija ta’ Bernard Grech hekk kif il-bord li kien għamel proċess ta’ due diligence fuq il-kandidati għat-tmexxija tal-Partit, kien innota kif ġie rrapportat li Bernard Grech ħallas il-pendenzi li kellu fl-10 ta’ Awwissu.
Dan ifisser li Bernard Grech ħallas il-pendenzi tlett ijiem wara li dan l-istazzjon kien żvela li hu kien ser jikkandida ruħu għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Dan filwaqt li sa minn xahar qabel Bernard Grech stess kien diġà ħabbar il-pjanijiet tiegħu li jikkontesta għall-elezzjoni fil-pubbliku.
Fl-istess rapport tal-Partit Nazzjonalista, il-bord tad-due diligence kien innota kif Bernard Grech kien ipprova jaħbi n-nuqqasijiet tat-taxxa tiegħu mill-bord u għalhekk mill-Partit Nazzjonalista li dak iż-żmien kien qed jaspira li jmexxi. Filfatt il-bord kien innota kif dwar in-nuqqasijiet fiskali tiegħu, Grech ma kienx ta l-istampa sħiħa lill-bord.
Barra l-Parlament din il-ġimgħa, Bernard Grech stqarr li hu ħadd ma ħallaslu VAT u Taxxa.
Colin Deguara: “Dr. Grech, lilek ħallsulek il-Vat u t-Taxxa wara li dħalt fil-politika..”
Bernard Grech: “Lili ma ħallasli ħadd il-Vat u t-Taxxa.”
Madankollu malajr fakkarnieh li hu stess kien ammetta magħna li hu ma kellux flus biex iħallas u fi kliemu dar fuq ibnu biex iħallaslu.
Colin Deguara: “Minn fejn ġibthom il-flus biex ħallasthom?”
Bernard Grech: “Familja hi, familja. Għandi t-tifel jaħdem u għeni xi ftit.”
Hekk kif fakkarnieh fuq dak li kien qal hu stess huwa aġixxa daqs li kieku flus ibnu huma tiegħu.
Bħal donnu biex jevita li jqum suspett li t-taxxa tiegħu ma tħallsitx minn flus ibnu biss, huwa baqa’ jtenni li lilu ħadd ma ħallaslu t-taxxa.
Colin Deguara: “Int kont għidt li ħallashomlok it-tifel, le?”
Bernard Grech: “Aħna familja waħda.”
Colin Deguara: “Allura mhux ħallsuhomlok?”
Bernard Grech: “Le, lanqas xejn, għandek żball ta.”