Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jibqa’ miexi bil-prinċipju li addotta tul il-pandemija, li jwieżen kull fejn hu possibbli.
Il-Prim Ministru sostna li se jibqa’ jkun sensittiv quddiem ir-realtajiet tal-inflazzjoni, meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti.
“Imbagħad xorta tibqa’, hemm realtajiet ta’ żieda fil-prezz tal-ikel. Dawk huma realtajiet illi rridu nibqgħu sensittivi lejn il-poplu u kull fejn aħna nistgħu nwieżnu l-poplu, se nibqgħu nimxu bl-istess prinċipju li mxejna bih sa minn Marzu 2020, li nwieżnu kull fejn hu possibbli lill-familji tagħna kif ukoll lin-negozji tagħna.”
Il-Prim Ministru fakkar li l-Gvern qatt ma qal li l-għoli tal-ħajja huwa perċezzjoni.
Irrimarka kif il-Gvern diġà qed irażżan l-inflazzjoni f’ċertu setturi, bħal dak tal-enerġija billi l-prezzijiet tal-elettriku u l-fjuwils baqgħu stabbli.
“Li nżammu stabbli tfisser li m’għolewx”, spjega l-Prim Ministru, li qal kif f’pajjiżi ġirien oħra fl-Ewropa, il-prezzijiet tal-fjuwil splodew ’il fuq.
“Kont Brussell ftit tal-ġimgħat ilu għall-Kunsill Ewropew. Il-prezz tad-diesel huwa ħamsin ċenteżmu l-litru ogħla minn dak f’pajjiżna. Pajjiżna għandu l-orħos diesel fiż-Żona Ewro. Pajjiżna għandu l-orħos prezz ta’ current elettriku fiż-Żona Ewro. U allura dawk iva huma kollha miżuri li kieku ma sarux, l-inflazzjoni f’pajjiżna verament kienet tisplodi ’l fuq.”
Il-Prim Ministru spjega li l-orħos prezz tal-fjuwil f’Malta kien possibbli minħabba l-interventi tal-Gvern.
Dr Robert Abela fakkar ukoll f’intervent ieħor li għamel il-Gvern, dak li ma żiedx it-taxxi.