Abner George Aquilina ta’ 20 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u qed jinżamm arrestat fil-ħabs ta’ Kordin.
Dan wara li tressaq il-Qorti u ġie mixli bil-qtil u l-istupru ta’ Paulina Maria Dembska.
Dembska kienet instabet mejta u imneżża’ minn ħwejjiġha fit-tieni jum tas-sena fi ġnien pubbliku f’Tas-Sliema.
Aquilina ġie akkużat ukoll li żamm lit-tfajla kontra l-volontà tagħha biex tkun imġiegħla tagħmel xi ħaġa li ma tridx. Ġie akkużat ukoll li fl-istess ġurnata kiser il-bon ordni fil-Knisja tal-Balluta f’Tas-Sliema.
Aquilina wasal il-Qorti ġo karozza tal-pulizija għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħaxija.
Huwa deher jagħmel mossi oxxeni lejn il-membri tal-midja mal-wasla tiegħu fil-karozza.
Ftit tal-minuti wara huwa deher fil-Qorti bi flokk abjad marbut ma’ għonqu u b’xagħru miżbugħ isfar.
Hekk kif daħal fl-awla, il-Maġistrat Ian Farrugia ordna lill-akkużat ineħħi idu mill-but.
Il-Pulizija spjegat kif l-arrest seħħ wara li fit-2 ta’ Jannar huma ġew infurmati li nstab katavru, filwaqt li ġew infurmati li kien hemm raġel li kellu ġrieħi żgħar f’idu u kien qed jingħata l-għajnuna medika fi klinika.
Huma marru jkellmuh u minn kliemu intebħu li kien jaf fatti dwar il-każ.
Quddiem membri tal-familja tiegħu, li dehru emozzjonati fl-awla, l-Avukat Difensur Dr Mario Mifsud m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest iżda għamel talba sabiex mill-aktar fis possibli, l-imputat jsirlu assessjar meħtieġ u fuq dan l-assessjar, id-Direttur tal-Ħabs għandu jiddeċiedi skond il-prerogattiva tiegħu, f’liema istituzzjoni l-imputat għandu jinżamm sabiex b’hekk ikunu protetti l-interessi kemm tal-imputat iżda wkoll tas-soċjetà Maltija.
Il-Prosekuzzjoni u l-parte civile ma oġġezzjonawx, bil-Qorti laqgħet it-talba.
AKTAR QABEL
18:40 – Id-difiża talbet biex mill-aktar fis possibli l-imputat jingħata l-assesjar meħtieġ u fuq dawn l-assesments id-Direttur tal-Ħabs għandu jiddeċiedi skond il-prerogattiva tiegħu, f’liema istituzzjoni l-imputat għandu jinżamm sabiex b’hekk ikunu protetti l-interessi kemm tal-imputat, iżda wkoll tas-soċjetà Maltija.
Il-Prosekuzzjoni u l-parte civile ma oġġezzjonawx.
Għalhekk il-Qorti ma sabet l-ebda raġuni għaliex tiċċensura din it-talba u b’hekk ordnat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jitratta din it-talba tad-difiża bl-aħjar mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu.
18:34 – Il-Prosekuzzjoni qalet kif l-ewwel nett l-aħjar li l-akkużat l-ewwel ikun invistat mit-tabib tal-ħabs u d-deċiżjoni tittieħed minn hemmhekk. Il-Qorti nnutat kif hija tista’ tagħmel rakkomandazzjoni biss lid-Direttur tal-Ħabs, biex dan jitpoġġa f’din il-parti tal-Isptar Monte Karmeli.
18:32 – Id-Difiża talbet biex l-akkużat jinżamm fil-Forensic Unit ġewwa l-Isptar Monte Karmeli, minflok fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
18:31 – Fil-Qorti Abner Aquilina ta’ 20 sena, li qal li jaħdem bħala Clerk, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
18:30 – Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata. Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-arrest seħħ wara li fit-2 ta’ Jannar huma ġew infurmati li nstab katavru, filwaqt li ġew infurmati li kien hemm raġel li kellu ġrieħi żgħar f’idu u kien qed jingħata l-għajnuna medika fi klinika. Huma marru jkellmuh u minn kliemu ntebħu li kien jaf fatti dwar il-każ.
Ingħad kif l-interrogazzjonijiet miegħu fl-aħjar jumejn, wara li ġie rilaxxat mill-Isptar Monte Karmeli, ġew irrekordjati b’mod awdjoviżwali.
18:27 – Aquilina qed ikun akkużat bil-qtil u l-istupru ta’ Paulina Dembska. Huwa qed ikun akkużat bl-arrest tagħha kontra l-liġi biex tkun imġiegħla tagħmel xi ħaġa kontra l-volontà tagħha. Ġie akkużat ukoll li fl-istess ġurnata kiser il-bon ordni fil-Knisja tal-Balluta, f’Tas-Sliema.
18:25 – Kif daħal il-Maġistrat ordna lill-akkużat ineħħi jdejh mill-but. Il-Pulizija qed taqra l-akkużi quddiem il-Qorti.
18:24 – Fl-awla daħal il-Maġistrat Ian Farrugia. L-Avukati Anthony Vella u Darlene Grima qed jidhru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Avukat Mario Mifsud qed jidher għall-imputat u l-Avukat Stefano Filletti qed jidher għall-parte civile.
18:19 – L-akkużat Abner Aquilina jinsab f’awla numru tmienja, hekk kif fi ftit tal-minuti oħra mistenni tibda l-preżentata biex ikun akkużat bl-omiċidju u l-istupru ta’ Paulina Dembska li nqatlet fit-2 ta’ Jannar f’Tas-Sliema.
Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża wkoll jinsabu fl-awla flimkien ma’ membri tal-midja u membri mill-familja tal-akkużat.
AKTAR QABEL:
Fis-6:30pm, Abner Aquilina se jitressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ Paulina Maria Dembska.
Huwa se jiġi mixli wkoll li fit-2 ta’ Jannar li għadda, stupra lit-tfajla fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema.
ONE News se jżommkom aġġornati bl-aħħar żviluppi mill-Qorti.