Pittura tal-artist Michelangelo Merisi magħruf bħala Caravaggio ser tkun esebita fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-MUŻA.
Dan wara li l-werrieta ta’ Vincenzo Bonello selfu l-pittura b’mod indefinit lil Heritage Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-imħallef Emeritu Giovanni Bonello, li tkellem f’isem il-werrieta, stqarr kif l-għan primarju ta’ dan is-self lill-Heritage Malta huwa biex l-arti tkun aċċessibbli għal kulħadd.
Huwa stqarr kif din il-pittura issa ser tkun il-monument ta’ Vincenzo Bonello fil-Mużew.
Il-kuratur anzjan tal-MUŻA, Kenneth Cassar ukoll tenna kif din il-pittura ser tkun żieda sabiħa għall-kollezzjoni tal-mużew.
Tkellimna mal-konservatur anzjan, Anthony Spagnol li spjegalna x-xogħol li sar fuq din il-pittura biex issa tista’ titgawda bl-aħjar mod mit-turisti u l-Maltin li jżuru dan il-mużew.
“Pittura hija magħmula minn ħafna materjali organiċi li biż-żmien dawn jibdew jiddeterjoraw. Jekk jiddeterjoraw huma aħna nitilfu l-immaġini li qed naraw. Pero l-interventi li għamilna hawnhekk fil-laboratorji ta’ Heritage Malta, kienu wkoll indirizzati biex din il-pittura tiġi apprezzata u studjata f’dawl tajjeb.”
Il-Ministru għall-Arti, José Herrera stqarr kif din l-għotja b’self ser tkun qed tkompli tkabbar il-livell tal-prodott artistiku li joffri pajjiżna.
“Il-MUŻA huwa idea. Tkattret ħafna matul is-snin. Naħseb li jtik esperjenza unika, huwa bla dubju naħseb l-aqwa mużew li għandna f’Malta. Ir-rikkezzi li għandna f’dan il-mużew jikkompetu ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra u ovvjament jattira turisti ta’ valur, jitgawda mill-Maltin u jeduka u jagħti sens ta’ identità kbira lil pajjiżna.”