B’investiment ta’ €9 miljun, f’San Vinċenz de Paul, ġie inawgurat ċentru li se jkun qed jispeċjalizza fil-kura ġerjatrika.
Iċ-ċentru, li ġie inawgurat f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, jagħmel parti mill-proġett ta’ restawr tal-kumpless Rużar Briffa.
Dan iċ-ċentru, jinkludi 13-il klinika ta’ konsultazzjoni, li minnhom, il-professjonisti tas-saħħa minn San Vinċenz de Paul u l-isptar Mater Dei se jkunu qed jagħtu kura speċjalizzata u integrata lill-anzjani taħt l-istess saqaf.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega x’servizzi se jingħataw minn dan iċ-ċentru.
“Wieħed jista’ jitkellem fuq rehabilitation team, Medical Geriatric, fiżjoterapija, speach u language pathology, podjatrija, occupational therapy, oftalmoloġija, odjoloġija, ENT, vaskulari, Gynae, psikjatrija, dermatoloġija, dentistrija, ħa jkun hemm ukolll treatment rooms apparti ċ-ċertu servizzi li diġa qed jingħataw bħal flebotomija, pacemaker clinic u anke investigazzjoni għal dawk li qegħdin fuq il-worforina.
Is-servizzi se jingħataw kemm lil dawk ir-residenti f’San Vinċenz de Paul kif ukoll lil dawk l-anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani u lil anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità.
Fil-fatt id-Deputat Prim Ministru spjega li dan iċ-ċentru se jnaqqas il-pressjoni minn fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei u d-dħul fl-isptarijiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paul Dr Josianne Cutajar, qalet kif dan l-investiment jikkumplimenta dak li diġà sar.
