B’investiment ta’ €1.5 miljun, żewġt idjar abbandunati fil-qalba ta’ Tas-Sliema, ġew irrestawrati u nbidlu f’lukanda li żammet l-istil tradizzjonali Malti, fosthom il-faċċata u l-gallariji.
F’din il-lukanda jispikka l-element ta’ storja u kultura Maltija, bil-kmamar kollha huma msemmija għal villaġġi u attrazzjonijiet turistiċi popolari Maltin u Għawdxin, bħall-Mosta, l-Imdina u ċ-Ċittadella.
F’kull kamra mbagħad hemm pitturi u elementi li juru l-istorja ta’ dik l-attrazzjoni jew post partikolari.
Id-Direttur tal-lukanda, Christian Gravina qalilna li b’dawn l-elementi uniċi u bis-servizz personalizzat li se jkun offrut, se jkun attirat turiżmu ta’ kwalità.
“L-iskop tal-proprjetà huwa li nattiraw il-business traveller kif ukoll id-digital nomads, li primarjament hija n-niċċa tagħna fejn aħna wkoll involuti fis-settur finanzjarju jiġifieri dak huwa l-iskop tagħha apparti l-fatt li naraw li hawn nuqqas ta’ dak is-servizz personalizzat li dawn it-tip ta’ turisti jkunu qed jippretendu li jieħdu.”
Din il-lukanda taħdem b’miżuri favur enerġija sostenibbli.
“Il-proprjetà qed tiġi operata b’ħames heat pumps fejn ma jintużax dak il-kunċett tradizzjonali ta’ geyser imma l-heat pumps isaħħnu l-ilma tal-proprjetà kollha u għalhekk wieħed ħa jnaqqas il-ħela tal-ilma billi kif jiftaħ il-vit bażikament ħa jsib l-ilma sħun. Apparti affarijiet effiċjenti bħalma huma d-dwal li jintużaw, l-appliances kollha li huma tal-ogħla effiċjenza li tista’ tagħmel.”
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Gavin Gulia saħaq li fil-bażi tal-prodott hemm l-innovazzjoni u din hija dik li tagħti esperjenza unika lit-turist.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo qal li dan l-investiment huwa konferma tas-sinerġija li teżisti bejn il-Gvern u l-privat.
“Dan kollu jimlina b’kuraġġ għaliex qed naraw li l-messaġġ tal-Gvern li nersqu lejn iżjed kwalità għolja fit-turiżmu qiegħed jasal ukoll, il-privat qiegħed jingħaqad mal-Gvern f’din il-missjoni tagħna sabiex b’hekk naraw li s-settur turistiku jkun fost l-iktar reżiljenti u innovattiv anki għas-snin li ġejjin.”