Abner Aquilina qed jerġa’ jiġi interrogat bħalissa fid-Depot.
ONE News għandu informazzjoni li għal ħabta tal-għaxra ta’ dalgħodu, is-suspettat bil-qtil ta’ Paulina Maria Dembska ġie msejjaħ quddiem il-Pulizija fil-kamra tal-interrogazzjonijiet.
Nifhmu li din tista’ tkun l-aħħar interrogazzjoni mill-Pulizija qabel ma tressqu l-Qorti.
ONE News jinsab f’pożizzjoni li anki jgħid li aktarx, is-suspettat se jitressaq quddiem il-ġustizzja, illejla wara l-ħamsa ta’ filgħaxija.
Il-Pulizija se tixlih bil-qtil tal-Pollakka ta’ 29 sena.
Ilbieraħ ġriet l-aħbar li Aquilina ġie rilaxxat mill-isptar Monte Karmeli u minnufih il-Pulizija reġgħet bdiet tkellem lis-suspettat.
Sorsi barra d-Depot qalulna li fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija deher dieħel l-Avukat Dr Mario Mifsud, li ONE News huwa infurmat li se jmexxi d-Difiża ta’ Aquilina fil-Qorti.
Nifhmu li lbieraħ filgħaxija l-Pulizija ma kinitx lesta mill-istqarrija li kien qed jagħti Aquilina u għalhekk qed tkompli dalgħodu.
Paulina Maria Dembska nstabet mejta kmieni filgħodu fit-tieni jum ta’ din is-sena fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema.
Minn riżultati tal-awtopsja jidher li Dembska mietet fgata wara li anki ġiet stuprata.
Aquilina kien ġie f’idejn il-Pulizija wara li ftit tal-ħin wara, qajjem kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta, ftit passi ’l bogħod minn fejn instabet mejta t-tfajla.
ONE News kien żvela li Aquilina allegatament lissen xi kliem b’rabta mal-qtil waqt li kien inviżtat minn tabib.
Hawnhekk il-Pulizija bdiet tqis lil Abner Aquilina bħala s-suspettat fil-qtil ta’ Dembska.