Għad-deputati tal-Partit Nazzjonalista n-nuqqasijiet ta’ David Thake marbuta mal-ħlas ta’ VAT mhumiex kundannabbli.
Barra l-Parlament ONE News staqsa wħud mid-Deputati Nazzjonalisti dwar jekk Thake għadux denju li jkun kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono ħarġet għonqha għad-Deputat tal-establishment Nazzjonalista David Thake u għażlet li ma tnaffrux.
Colin Deguara: “Għadu postu David Thake bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista għadu denju li jkun kandidat?”
Kristy Debono: “Bla dubju ta’ xejn.”
Saħansitra qaltilna li n-nuqqasijiet ta’ David Thake assolutament mhumiex kundannabbli.
Colin Deguara: “Għandu tliet kwarti ta’ miljun ewro f’Vat x’iħallas ta.”
Kristy Debono: “Għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara ħafna u naraw minn hemm.”
Colin Deguara: “Mhux kundannabbli din?”
Kristy Debono: “Le le, definitely not.”
Sorsi mill-imkejjen tad-Dar Ċentrali qalulna kif minn Kristy Debono ma tistenniex aħjar hekk kif wara li Hermann Schiavone spiċċa barra mit-tiġrija u mhux ser jikkontesta l-elezzjoni ġenerali issa qed tibża’ li hi wkoll tintwera l-bieb ta’ barra.
Bħal Hermann Schiavone, Kristy Debono kienet qrib sew tal-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia, speċjalment fil-bidu tat-tmexxija tiegħu.
Barra l-Parlament staqsejna wkoll lid-deputati Claudio Grech u Karl Gouder li għażlu li b’ħarsa imqita fuq wiċċhom ilebbtu ’l hemm mingħajr ma bewqu ħalqhom biex ituna risposta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bl-iktar mod konvenjenti wkoll qed jagħżel li ma jikkummentax dwar David Thake filwaqt li ddeffendieh sa mill-bidu nett.
Ġurnalist: “Sodisfatt bl-ispjegazzjoni?”
Bernard Grech: “Dawk huma l-fatti li jirriżultaw. Il-fatti li jirriżultawli bħalissa mhux ser nikkummenta aktar fuqhom.”
Ġurnalist: “Konvenjenti li ma tikkummentax?”
Bernard Grech: “Grazzi ħafna insellimlek.”
Staqsejna wkoll lid-deputat Nazzjonalista Joe Ellis dwar kemm Thake għadu denju li jkun kandidat Nazzjonalista.
Colin Deguara: “Għalik denju David Thake li jkun kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss?”
Joe Ellis: “Is-Sena t-Tajba.”
Iżda meta staqsejnieh dwar jekk humiex aċċettabbli n-nuqqasijiet ta’ dak li ġmielu jiddelitta jiskonġra b’filmati fuq facebook u bil-megaphone f’idu fil-protesti fil-Belt, Ellis ironikament spiċċa qalilna hekk.
Colin Deguara: “Aċċettabbli n-nuqqasijiet ta’ David Thake?”
Joe Ellis: “Biex tiskonġra trid tkun pur.”
Mhux magħruf jekk Ellis kienx qed jirreferi għal Kap Bernard Grech, li lil Thake ma jistax imqar ilissinlu kelma fuq dak li għamel, għax bħalu ma kienx ħallas it-taxxa u b’hekk huwa ostaġġ tas-sitwazzjoni.