Il-Gvern flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar tliet skemi ġodda li ser jgħinu l-qasam tar-reżiljenza fis-settur artistiku.
Dan bħala parti mill-pjan b’investiment ta’ seba’ miljun ewro li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu u li jinkludi ħames pilastri differenti fi ħdan is-settur.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie spjegat li dawn it-tliet skemi jaqgħu taħt il-pilastru tar-reżiljenza.
Fil-fatt, id-Direttriċi għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi spjegat it-tliet skemi u dak li jinvolvu.
L-ewwel skema hija msejħa l-‘Events Assurance Scheme’. Din l-iskema sservi bħala polza ta’ assigurazzjoni għal avvenimenti artistiċi li jitħassru minħabba l-miżuri b’rabta mal-pandemija. Kull applikant f’każ li jitħassar avveniment ikun eliġibbli biex jieħu sa massimu ta’ €45,000.
It-tieni skema bl-isem ‘Seat utilisation scheme’ se tkun qed tara li kull avveniment ikollu mħallsa sa madwar 350 siġġu minn qabel mill-Gvern b’kull biljett ma jkunx jista’ jiswa sa aktar minn 15-il ewro. B’hekk l-organizzaturi jkollhom serħan il-moħħ li dak li qed jippreparaw se jrendi introjtu tajjeb.
Għal dawn iż-żewġ skemi flimkien se jkunu allokati tliet miljun ewro.
Intant it-tielet skema tappoġġja u tmanti l-kreattività artistika hekk kif organizzaturi jew artisti jkunu jistgħu jgawdu minn finanzjament għall-programmi artistiċi li jkunu qed jippreparaw.
“Aħna bħala Kunsill Malti għall-Arti propju qed noffru dan is-sostenn finanzjajru abbażi tat-telf jew tan-nuqqasijiet li tista’ tinħoloqlok bħala operatur kulturali jew artist minħabba xi miżuri jew minħabba neċessitajiet tal-pandemija nnifisha.”
Intant il-Ministru għall-Arti José Herrera rrimarka l-għajnuna kbira li qed jagħti l-Gvern lill-artisti f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida waqt pandemija.
“Illum huwa pjaċir kbir tiegħi li nistgħu nakkomodaw il-karba tas-settur kreattiv. Din is-sena b’mod eċċezzjonali qed nagħti iżjed u iżjed fondi b’mod dirett biex ngħinu lill-artisti tagħna.”