Marcelino Montalban Saraza kien ingħata daqqa ta’ sikkina f’għonqu wara li kien diġà miet.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-konsulent Ali Safraz li flimkien ma’ Marie Therese Camilleri Podesta wettqu l-awtopsja fil-konfront tal-Filippin, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni ta’ provi kontra Mayumi Santos Patacsil, li tinsab akkużata bil-qtil tas-sieħeb tagħha.
Hija qed tiġi akkużata wkoll li bagħbset l-evidenza u li għamlet rapport falz lill-Pulizija.
Salfraz spjega li l-ferita primarja, li kienet ikkawżat il-mewt tar-raġel, kienet dik f’qalbu.
Huwa spjega wkoll li t-tieni daqqa ta’ sikkina f’għonq il-vittma ftit li xejn kellha demm madwarha, li jindika li saret wara li huwa kien diġà miet.