Obaid Alsaleh, Sirjan ta’ 21 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ammetta li f’temp ta’ tlett ijiem, flimkien ma’ persuna oħra, wettaq serq minn fuq żewġ anzjani.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-ewwel serqa seħħet fit-tlieta ta’ Diċembru li għadda fuq anzjan fil-Marsa, filwaqt li fis-sitta tal-istess xahar wettaq serqa oħra minn fuq anzjan fil-Ħamrun.
Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, is-Sirjan, li qal lil Qorti li jaħdem bħala kaħħal, spjega li mhux se jerġa’ jikkommetti reat ieħor għax huwa missier ta’ tifla ta’ sena u tmien xhur.
L-avukat tal-għajnuna legali talbet li jsir rapport ta’ qabel tingħata s-sentenza, liema talba ġiet milqugħa.
Għal dan il-għan, il-Qorti ħatret uffiċjal tal-probation biex iħejji dan ir-rapport.