F’għeluq is-sentejn ta’ Robert Abela fit-tmun tal-pajjiż, il-programm ‘Taf x’Qed Jgħidu’ iddiskuta ma’ diversi opinjonisti il-ħidma u riformi li saru matul dawn is-sentejn taħt it-tmexxija ta’ Dr Abela.
L-analista finanzjarju Steve Ellul irrimarka l-akbar ċertifikat ta’ Robert Abela, ħoloq ix-xogħol waqt pandemija.
“Illum għad għandna 450 persuna jirreġistraw għax-xogħol inqas milli kellna fl-2019, qabel il-pandemija. Jekk tħares lejn in-nies li jaħdmu, taħt l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela għandna llum, sentejn wara l-ewwel każ ta’ pandemija f’Malta, tnax-il elf ruħ jaħdmu aktar milli kellna fl-elfejn u dsatax.
Jeremy Camilleri rrikonoxxa ħidmet il-Prim Ministru Malti favur il-ġustizzja u l-governanza.
“Is-sinjali li ta Robert Abela kienu ċari. Jien qed nara lil Robert Abela għandu tolleranza żero għal kull fejn ikun hemm element ta’ dubju, l-istess bħala pajjiż m’aħniex imdorrijin naraw. Mhux qed inqabbel il-passat, biex bilfors infaħħar lill-Gvern tal-lum, għax kien hemm nuqqasijiet li għamluha iebsa biex niddefendu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Pero mill-banda l-oħra meta inti tara, x’kien jiġri fil-passat, qatt ma ftakart f’ħajti li jirriżenja xi ħadd li għamel xi ħaġa ħażina.”
Il-Perit u l-Avukat Robert Musumeci semma tliet kwalitajiet li għandu l-Mexxej Robert Abela.
“Robert Abela huwa bniedem deċiżiv. Robert Abela ma beżax jibdel u għalhekk huwa bniedem riformista. Fl-aħħar nett, naħseb li Robert Abela ġab stabbiltà f’dan il-pajjiż.”
Imbagħad JP Fabri u Stefan Cutajar semmew l-oqsma tal-ambjent u dak soċjali, li f’sentejn Robert Abela wkoll ħalla marka.
JP Fabri qal: “Naraw numru ta’ strateġiji li ġew imħejja u mħabbra biex l-ekonomija l-ħadra ssir mutur ekonomiku u sostenibbli. Jekk inħarsu lejn l-inċentivi li l-Gvern nieda fil-Budget, kienu inċentivi li jgħinu lill-ambjent u jerġgħu jpoġġu l-ambjent fiċ-ċentru tal-mudell ekonomiku u tal-iżvilupp tal-pajjiż.”
L-Avukat Stefan Cutajar: “L-ewwel deċiżjoni li ħa f’dan is-sens, kienet bla dubju li jgħolli dan il-portafoll għal Ministeru. Dan kien diġà pass għaqli u kuraġġuż. L-investiment kompla jiżdied, hekk kif ġejna f’sitwazzjoni fejn l-Awtorità tad-Djar għandha l-mezzi u l-għodod biex taħdem.”