Abner Aquilina se jiġi interrogat fil-ħin li ġej fid-Depot wara li ġie rilaxxat mill-isptar Monte Karmeli.
Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija deher dieħel l-Avukat Dr Mario Mifsud, li huwa l-Avukat t’Aquilina.
Nifhmu li l-Avukat l-ewwel se jkellem lill-klijent tiegħu imbagħad issir l-interrogazzjoni.
Abner Aquilina huwa s-suspettat qattiel ta’ Paulina Maria Dembska, Pollaka ta’ 29 sena, li nstabet mejta fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema fit-tieni jum ta’ din is-sena.
Minn riżultati tal-awtopsja jidher li t-tfajla mietet fgata waqt li kienet stuprata.
Aquilina kien ġie f’idejn il-Pulizija wara li qajjem kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta f’tas-Sliema.
ONE News kien żvela li s-suspettat aktarx lissen kliem b’rabta mad-delitt waqt li kien invistat minn tabib.
Kien hawn li l-Pulizija bdiet tqis lil Aquilina bħala suspettat fil-qtil ta’ Dembska.
L-interrogazzjonijiet m’Aquilina kienu ġew sospiżi wara li s-suspettat kien riferut lejn l-isptar Monte Karmeli.
Nifhmu li issa bl-iżvilupp li l-interrogazzjonijiet se jkomplu, Aquilina jista’ jitressaq dalwaqt il-Qorti mixli bil-qtil ta’ Dembska.