The Fresh Prince of Bel-Air kienet fost l-aktar serje televiżiva popolari fis-snin 90.
Tant li kważi 30 sena wara, is-serje li damet tixxandar għal sitt snin għadha ferm imsemmija.
Hawnhekk Will Smith kien il-karattru prinċipali; ġuvni kariżmatiku li ma jfallix mument milli jgħaddi biż-żmien lil zijuh u kuġinuh.
Inreġġu l-arloġġ ’il quddiem għal-lum il-ġurnata u din is-serje televiżiva issa qed terġa’ tingħata l-ħajja b’differenza.
Il-karattru ewlieni se jibqa’ l-ġuvni problematiku li minn Philadelphia jmur jgħix ma’ oħt ommu u l-familja tagħha fiż-żona residenzjali sinjura ta’ Bel-Air.
Fil-fatt, it-titlu tas-serje se jkun biss Bel-Air, li jirrakonta storja simili ta’ 30 sena ilu, iżda b’laqta moderna ta’ ħajjet iż-żagħżugħ u l-isfidi li jgħaddi minnhom.
L-attur Will Smith xorta waħda se jkun involut, iżda minflok b’irwol prinċipali, din id-darba se jipproduċi din is-serje, li se tibda tixxandar fit-13 ta’ Frar li ġej.
Intant, f’ġurnata, it-trailer tas-serje l-ġdida rawh kważi żewġ miljun persuna fuq YouTube.
Dan ġab miegħu ħafna reazzjonijiet fosthom mingħand dawk li jiftakru sew is-serje tas-snin 90.
Madanakollu, ħafna jinsabu ħerqana jaraw kif se tkun qed tiżvilluppa l-istorja.