Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech deher ċar li jinsab skomdu u sostna li ma jridx jitkellem iżjed fuq David Thake, li ħarġu stejjer fuqu dwar ksur ta’ regoli u ħlas pendenti ta’ taxxa.
It-Tnejn filgħaxija meta l-ġurnalisti nġabru barra l-Parlament jistennewh biex isaqsuh, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha ċara li huwa ostaġġ tas-sitwazzjoni u ma jridx jikkummenta fuq Thake.
Ġurnalist: Sodisfatt bl-ispjegazzjoni?
Bernard Grech:“Dawk huma l-fatti li jirriżultawli. Il-fatti li jirriżultawli bħalissa mhux se nikkumenta iktar fuqhom.”
Mistoqsi iktar fuq hekk mill-ġurnalist ta’ ONE News, Bernard Grech lebbet ġewwa l-Parlament, fejn kien aktar komdu biex ma jintlaħaqx mill-mistoqsijiet pertinenti tal-ġurnalisti.
Ġurnalist: “Konvenjenti ma tikkummentax?”
Bernard Grech: “Grazzi ħafna nsellimlek.”
Il-ġurnalisti minn midja differenti nġabru barra l-Parlament jistaqsu lil Grech wara li l-Ħadd ħarġet storja oħra dwar David Thake fejn fuq kumpanija oħra bl-isem Maltashoppers, Thake ma ħallasx mal-ħames mija u ħamsin elf ewro f’VAT lill-Istat.
Il-ġurnalisti fil-fatt staqsew lil Bernard Grech dwar l-ispjegazzjoni ta’ Thake fejn ammetta n-nuqqas tiegħu li għamel għaxar snin sħaħ ma jippreżentax it-tax returns mal-awtoritajiet filwaqt li ma ħallasx il-VAT.