Malta addottat l-istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni sas-sena 2027.
Din l-istrateġija tiffoka fuq sitt oqsma differenti u tara li jkun hemm potenzjal għal aktar attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni.
Fost l-oqsma li nsibu hemm; is-saħħa u l-ġid tan-nies, l-użu sostenibbli tar-riżorsi għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, il-manifattura intelliġenti, it-teknoloġija tal-baħar, l-avjazzjoni u t-teknoloġija aerospazjali, u t-teknoloġiji diġitali tal-futur.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici saħaq li l-istrateġija se tiżgura aċċess għall-fondi meħtieġa biex tissaħħaħ ir-riċerka f’dawn l-oqsma u tiggarantixxi l-kontinwità tal-investimenti meħtieġa matul is-snin kollha.
Huwa qal li l-Gvern huwa kommess li jaħdem qatigħ sabiex l-istrateġija tiġi implimentata b’mod effettiv.
L-istrateġija hija konformi wkoll mal-viżjoni tal-Gvern għal wara l-pandemija, li għamlet referenza għall-ħtieġa li aktar riżorsi tal-Gvern jiġu ddedikati għall-innovazzjoni sabiex ikomplu jixprunaw l-ispinta ekonomika tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffery Pullicino Orlando qal li l-innovazzjoni hija waħda mill-aħjar metodi biex titkabbar l-ekonomija u li bil-metodu mmirat tal-istrateġija, pajjiżna se jkun jista’ jidderieġi l-investiment lejn l-oqsma fejn hemm l-iktar opportunità li nirnexxu.