Il-Gvern se jkun qed iwessa’ l-aċċessibilità għall-għajnuna legali b’xejn f’każijiet ċivili
Dan billi minflok din tingħata għal persuni bi qligħ ta’ inqas minn sebat elef ewro fis-sena, tingħata għal kull min għandu qligħ t’inqas minn €13,000.
Hawn intqal kif din is-somma kienet ilha ma tiġi riveduta għal deċenji sħaħ, u għalhekk l-inflazzjoni ma kinitx qed tiġi kkunsidrata.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, li ħabbar ukoll it-tnedija tas-sistema diġitali li se tkompli tiffaċilità l-aċċessibilità tar-rappreżentazzjoni legali bla ħlas f’każijiet ċivili.
“Żidna l-capping minn €7,000 għal €13,000 dħul fis-sena, u dan it-€13,000 huma nett, jiġifieri jekk tħallas manteniment jew kera, dak jitnaqqas minn qabel. It-tieni punt, għamilna sistema msejħa LARS, għal aċċess aħjar li biha, mill-kumdità ta’ darek jew minn min qed jgħinek tkun tista’ tapplika għal għajnuna legali u tara jekk tikkwalifikax għaliha mingħajr ma tmur fiżikament l-uffiċċju.”
Il-Ministru Zammit Lewis spjega kif dawn iż-żewġ inizjattivi jiffurmaw parti minn sensiela ta’ riformi lejn ġustizzja soċjali aktar aċċessibli u diġitali.
Żied jgħid kif dawn kienu inizjattivi meħtieġa, hekk kif il-livell ta’ qligħ li bih wieħed jikkwalifika għall-għajnuna legali, kien ilu ma jiġi rivedut għal dawn l-aħħar erbgħin sena.
Intant, id-Direttur tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, Bruno Zahra, qal li hemm xogħlijiet għaddejin sabiex l-aċċessibilità għall-għajnuna legali tikber, billi jitneħħa l-bżonn tal-E-ID biex wieħed japplika għal dan is-servizz.
Huwa qal li dan it-tkabbir fl-aċċessibilità, ġie wara diversi laqgħat u konsultazzjonijiet.
“Tul l-aħħar tliet snin irriżultalna li kien hemm tmintax fil-mija minn dawk li applikaw, ma kinitx qed tintlaqa’ t-talba tagħom peress li ma kinux jaqgħu fil-parametri tal-liġi sabiex ikunu eleġibbli fil-kamp ċivili. Permezz taż-żieda fil-capping, se jkun hemm dawn il-persuni kollha li se jiġu eleġibbli issa.”