Editorjal fit-Times dwar il-każ tas-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami innota kif dak li jagħmel Bernard Grech huwa biss dak magħruf bħala messa in scena u għal għajn in-nies biss, biex juri li l-Partit Nazzjonalista jmexxi bl-istandards.
Hawnhekk l-editorjal tefa’ dawl fuq id-double standards li jaħdem bihom il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Għaliex filwaqt li Grech kien pront talab lil Anne Marie Muscat Fenech Adami biex twarrab minn Sindku tan-Naxxar, lil David Thake baqa’ jiddefendih sa lejlet u anki wara li ħarġet it-tieni storja li turi li issa b’kollox għandu ma’ qrib il-miljun ewro xi jħallas f’VAT, wara li ma kienx ħallashom fuq medda twila ta’ żmien.
Fl-editorjal it-Times qalet li staqsiet lill-Partit Nazzjonalista kif baqa’ fuq il-każ tas-Sindku tan-Naxxar, bit-tweġiba tal-kelliem għall-partit ta’ Bernard Grech turi li l-Kap se jġebbidha anki jekk ta l-impressjoni li l-ewwel trid taqtaha l-Kummissjoni Etika u d-Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista, f’ġieh is-sewwa.
Fil-fatt intqal li mhux sew jingħaddu ċertu kummenti qabel bħalikieku kollox maħdum u lest.
U hawn l-editur tat-Times innota li Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista għamlu propju hekk u ppreġudikaw il-każ hekk kif talbu għar-riżenja ta’ Muscat Fenech Adami.
“Lanqas sospensjoni ma ntalbet iżda riżenja f’temp ta’ erbgħa u għoxrin siegħa”, kiteb l-editur tat-Times.
Għall-aġir ta’ Grech, li ried ineħħi s-Sindku tan-Naxxar, Muscat Fenech Adami kienet sfidatu li mhux se twarrab u akkużatu b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti.
Quddiem allegat kunflitt ta’ interess fuq proġett fin-Naxxar, is-Sindku qalet lil Bernard Grech, li hi se tkompli bil-ħidma tagħha skont il-mandat li tawha n-Naxxarin.
ONE News kien żvela wkoll minn sorsi fid-Dar Ċentrali li l-kwistjoni tas-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, tmur ferm lil hinn mill-vot f’bord tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-imsemmi proġett.
Fil-fatt kien hemm min hu tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li poġġiet lil Bernard Grech Kap, li għorok idejh għal dak li għamel Grech ma’ Muscat Fenech Adami.
Fost dawn kien hemm Claudette Buttigieg, li tikkontesta d-distrett li jinkludi n-Naxxar.
Fil-fatt nies bħall-imsemmija kienu beżgħana li Muscat Fenech Adami setgħet tikkunsidra l-elezzjoni ġenerali u din xi ħaġa li ma xtaqux peress li fl-aħħar snin is-Sindku dehret iżżid il-popolarità man-Naxxarin.
L-istess sorsi kienu qalu li nies mis-sezzjoni Kunsilliera li jappoġġjaw lil Muscat Fenech Adami saħqu internament illi kieku kellu jdur dawra madwaru u juża l-istess kejl li pprova juża mas-Sindku tan-Naxxar, Bernard Grech kien ikollu ħafna iktar riżenji x’jitlob.
U propju ftit wara nfaqgħet il-bużżieqa u deher ċar kif Bernard Grech jimxi bid-double standards, skont kif jaqbillu.
Għaliex lil David Thake baqa’ jaqbeż għalih, dak li llum huwa deputat u kien fost l-ewlenin li ħadem kontra Adrian Delia u sfiduċjah biex imbagħad Thake appoġġja lil Bernard Grech, li tpoġġa Kap tal-Partit Nazzjonalista.