Il-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan innota l-aġir ta’ David Thake, li qal li se jibqa’ Deputat u saħansitra anki kandidat Nazzjonalista u għalissa se jibqa’ sospiż mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Fuq twitter, wara li dak li għamel Thake ġie msejjaħ bħala sospensjoni finta, Balzan staqsa fejn tidħol l-etika, quddiem il-fatt li Thake għamel għaxar snin sħaħ ma jippreżentax it-tax returns mal-awtoritajiet u naqas milli jħallas il-VAT dovuta.
Dan b’referenza għaż-żewġ stejjer li ħarġu fuq Thake f’temp ta’ ġimgħa u nofs, fejn fl-ewwel waħda żvelata mit-Times sar magħruf li kellu iżjed minn mitejn u sebgħin elf ewro fuq kumpanija minnhom li fuqha ma ħallasx il-VAT fuq medda twila ta’ żmien u l-Ħadd ħarġet it-tieni storja dwaru fil-Maltatoday, fejn fuq kumpanija oħra, Thake ma ħallasx mal-ħames mija u ħamsin elf ewro f’VAT dovuta lill-Istat.
B’hekk b’kollox Thake għandu jħallas mat-tmien mija u għoxrin elf ewro VAT li ma ħallasx fuq żewġ kumpaniji li huwa l-uniku shareholder fuqhom.
Balzan innota li m’għandekx bżonn xi gazzetta jew lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler jgħidulek biex ma tibqax Membru Parlamentari.
Wara li Thake lbieraħ filgħaxija ġie affaċċjat mill-midja barra l-Parlament u li fuq hekk ONE News se jxandar rapport estensiv, Balzan ikkummenta wkoll fuq twitter u saħaq li ħaddieħor ħallas il-VAT, lill-impjegati tiegħu, onora l-obbligi tiegħu marbuta ma’ self u anki daħħal it-tax returns.
Dan b’referenza li jekk irridu noqogħdu fuq dak li qal Thake mal-midja, minn erba’ obbligi, hu bħala bniedem rasu fuq għonqu, għamel wieħed biss.
Qal biss li ħallas il-ħaddiema, kif kellu l-obbligu li jagħmel talli ħadmulu, iżda ma ħallasx il-VAT dovuta u ma daħħalx it-tax returns.