Is-sena l-oħra rriżultaw 41 tqala minn ċikli tal-IVF li saru.
Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa qal li din kienet sena pożittiva hekk kif l-ammont ta’ tqala kien ogħla mis-sena ta’ qabel.
Fi żjara fil-binja l-ġdida tal-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni f’Ħal Luqa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rringrazzja lill-bord kollu u l-ħaddiema tal-Awtorità għall-ħidma tagħhom.
Din il-binja l-ġdida qed tilqa’ aħjar l-esiġenzi tal-Awtorità.
Intqal ukoll li fi studju tal-Kummissjoni Ewropea, Malta ngħatat punteġġ ta’ wieħed u sebgħin minn mija bi klassifikazzjoni tajba ħafna, li hija fl-istess livell tar-Renju Unit, l-Iżvezja, Spanja, il-Finlandja u d-Danimarka, fost l-oħrajn.
Malta saħansitra ġiet ikklassifikata qabel pajjiżi li ilhom joffru s-servizz tal-IVF għal ħafna snin, fosthom il-Ġermanja, l-Italja, l-Awstrija, Ċipru u l-Irlanda.