Il-Gvern ħabbar it-tnedija ta’ proġett bl-isem Transform.
Dan il-proġett jiġbor fi ħdanu żewġ kampanji ta’ għarfien marbuta mal-qasam tas-saħħa u l-komunità LGBTIQ.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif l-ewwel kampanja, dik li tittratta s-saħħa ta’ persuni fi ħdan din il-komunità, hija mmirata li tara li l-ambjent ta’ kura tas-saħħa jkun sigur u inklussiv għall-pazjenti li jeħtieġuh.
Dwar dan tkellimna ma’ Dr Walter Busuttil f’isem il-Ministeru għas-Saħħa.
“L-iskop ta’ dan il-proġett huwa prinċipalment biex jgħallem it-tobba, lin-nurses u l-istaff tagħna biex meta jkunu qed jitkellmu ma’ persuni LGBTIQ ikunu qed jaħdmu b’sistema li avolja aħna nippruvaw nittrattaw lil kulħadd pariġġ imma nkunu qed npoġġuhom f’sitwazzjoni fejn ikunu komdi jaċċessaw is-sistemi tagħna.”
It-tieni kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fost persuni LGBTIQ dwar numru ta’ riskji għas-saħħa li din il-komunità tesperjenza, u xxerred informazzjoni dwar servizzi tas-saħħa eżistenti mmirati lejn il-komunità LGBTIQ u kif wieħed jista’ jkollu aċċess għalihom.
Dwar dan tkellimna mal-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fejn qal li dan huwa pass ieħor favur ugwaljanza sħiħa f’pajjiżna.
“Li tbiddel il-liġijiet huwa importanti imma aktar importanti minn hekk huwa li tirbaħ il-qlub u l-imħuħ ta’ kuljum fis-soċjetà u dan huwa pass importanti għax fejn tidħol is-saħħa hemm qafas kruċjali li aħna rridu mmexxu ’l quddiem.”
Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Programm għad-Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.