Dorian Grech ta’ 22 sena ingħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs u ġie ordnat jibda programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga wara li ammetta li wettaq hold-up f’ħanut fil-Marsa.
Fil-Qorti kien instema’ kif Grech żamm persuna kontra l-volontà tiegħu u kellu fil-pussess tiegħu oġġett jaqta’ u bil-ponta fil-pubbliku bla liċenzja.
Huwa kien ammetta u ntqal li kellu vizzju serju tad-droga hekk kif huwa telaq minn seba’ programmi volontarji ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.
Hawn il-Prosekuzzjoni stqarret li l-imputat għandu bżonn lil xi ħadd biex jiġbdu minn widnejh sabiex jifhem li għandu problema serja.
Il-Maġistrat innutat li Grech ikkopera mal-Pulizija u li għaraf il-bżonn ta’ sentenza ta’ ħabs effettiva.
Apparti s-sentenza ta’ ħabs huwa ingħata multa ta’ mija u sittax -il ewro, u l-Qorti ordnat trattament ta’ tliet snin minħabba l-vizzju tad-droga, fejn huwa jrid ilesti programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni.