Aktar tard dan ix-xahar, preċiżament fl-20 ta’ Jannar, Darren Debono magħruf bħala t-‘Topo’ se jkun qiegħed jixhed fil-kumpilazzjoni marbuta mal-attentat hold-up fuq il-bank HSBC fl-2010.
Dan wara lejlet li kellu jibda għaddej ġuri fuq il-każ, Debono ammetta l-involviment fl-attentat ta’ serqa u ġie kkundannat għaxar snin u sitt xhur ħabs.
Fuq din l-ammissjoni, l-Imħallef Giovanni Grixti ppospona l-ġuri taż-żewġ akkużati l-oħra fuq il-każ, Vince Muscat il-‘Koħħu’ u Fabio Psaila.
Issa t-‘Topo’ se jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda fejn mistenni jitfa’ aktar dawl fuq il-każ li fih kienu ġew sparati tiri bejn il-ħallelin u l-Pulizija.
It-‘Topo’ għandu jgħid taħt ġurament dak kollu li jaf fuq il-każ.
Sorsi legali li tkellmu ma’ ONE News fakkru li fl-2017, it-‘Topo’ kien instab ħati ta’ sperġur.
Fil-fatt hemm sentenza li turi li t-‘Topo’ ammetta li għamel ġurament falz.
Fuq dan il-każ, Darren Debono kien weħel sentenz ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
L-istess sorsi fehmu lil ONE News li aktarx id-Difiża tal-akkużati fil-każ t’attentat ta’ hold-up se tqajjem mistoqsijiet kbar fuq
ix-xhieda tat-‘Topo’ minħabba l-passat tiegħu.
It-‘Topo’ għandu storja twila marbuta ma’ ċrieki kriminali u saħansitra nstab ħati fuq diversi serqiet.
Disa’ snin ilu kien weħel ħames snin ħabs fuq serqa minn ħanut tal-ġojjelli f’Ħ’Attard.
Darba ġie rappurtat jgħid li sparawlu f’ħalqu waqt li kien qed jipprova jisraq bank fl-2007.
Dwar il-każ tal-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC f’Ġunju tal-2010, kien xehed ukoll Melvin Theuma, il-‘Middleman’ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Theuma qal li kera appartament lil Debono għal €300 fix-xahar.
Saħaq li dakinhar tal-kunċert tal-Isle of MTV meta seħħ l-attentat ta’ hold-up, kien qed jiekol mal-familja meta rċieva telefonata mingħand Darren Debono.
“Mort l-appartment. Kif tidħol, fuq ix-xellug hemm kamra tas-sodda. Sibt lil Darren Debono fuq is-sodda, bil-qalziet ta’ taħt u bid-demm ħiereġ minn siequ. Qaluli li l-Pulizija kienu sparawlu,” Theuma xehed quddiem il-Maġistrat Monica Vella fil-kumpilazzjoni tal-każ.
Theuma xehed li l-‘Koħħu’ kien talab lil Theuma biex jgħinhom ħalli t-‘Topo’ jiddewwa.