B’investiment ta’ madwar €750,000 bdiet titwettaq l-Istrateġija Diġitali għall-Gvern Lokali fejn ġew indirizzati il-ħtiġijiet u nuqqasijiet fil-qasam tal-Informatika fi ħdan il-Kunsilli Lokali u Reġjonali.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif stqarr li dan l-investiment mhux biss se jkun qed jgħin liċ-ċittadini iżda wkoll lill-impjegati tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali.
Fost oħrajn biex tingħata spinta sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol u s-servizzi mogħtija mill-Kunsill, ġie spjegat kif ġew imqassma madwar 70 laptop u kif ukoll ġew konnessi mat-337 apparat elettroniku ieħor fuq is-sistema tal-MITA sabiex b’hekk jiġi żgurat servizz aktar effiċjenti u sigur.
Dan filwaqt li se tinbidel is-sistema tal-infrastruttura tal-informatika kollha tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex.
“Hemm ukoll il-fatt li għal sitt reġjuni għax issa sitta hemm, ingaġġajna wkoll ICT Manager jiġifieri kull reġjun issa se jkollu uffiċċju ċentrali biex jassissti r-reġjun u ovvjament ir-reġjun jassissti lill-Kunsill fuq kwistjonijiet u materja li għandhom x’jaqsmu mal-ICT u l-Informatika.”
Intant fl-istess konferenza tħabbar ukoll li qed titnieda portal ġdida.
“Waħda mill-iskemi hija appuntu dik li kull permess li trid tapplika għalih flok trid toqgħod tmur fil-kju fil-Kunsill illum tista’ tapplika online.”
Għaldaqstant mill-kumdità ta’ djarhom, iċ-ċittadini ħa jkunu jistgħu japplikaw għall-permessi varji fuq sit elettroniku ġdid.
Inizjattiva oħra hija dik tal-Wifi4EU fejn s’issa 27 Kunsill Lokali f’Malta u Għawdex gawdew mill-iskema maħruġa mill-Unjoni Ewropea, fejn permezz tiegħu iċ-ċittadini qed jibbenefikaw minn WIFI sigur u ta’ kwalità, bla ħlas, f’diversi postijiet pubbliċi
Matul din is-sena l-ammont ta’ lokalijiet li se jkollhom dan il-wifi installat ser jitla’ għal madwar 54 u kull Kunsill se jkun qed jingħata madwar €15,000 biex jagħmel dan.
Il-Ministru Herrera kkonkluda li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa sabiex ikompli jiġi aġġornat l-operat tal-Gvernijiet lokali, sabiex ikomplu jagħtu servizz aħjar u aktar effiċjenti liċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħna.