F’intervista fuq l-istazzjon tiegħu, ftit tal-ħin wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Wage Supplement se jkun estiż wara x-xahar ta’ Jannar għal ċertu setturi milquta mill-pandemija, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern qed ineħħi l-għajnuniet.
Grech qal, “Ineħħilek il-benefiċċji, ineħħilek l-għajnuniet, ma jagħtikx is-supplement.”
Din id-dikjarazzjoni minn Grech saret wara li tkellem il-Prim Ministru, u wara wkoll li lejn tmiem is-sena l-oħra kien diġà ħabbar l-estensjoni tal-Wage Supplement għal din is-sena.
Saħansitra fuq in-NET, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern ma jridx jgħin lin-negozji waqt pandemija.
Hu qal, “Ma jridx jgħin in-negozji illi qegħdin ibatu minħabba t-tul tal-pandemija.”
Għal din id-dikjarazzjoni, il-Partit Laburista fi stqarrija qal li fost ħafna għajjat, anke meta jkun qed jitkellem waħdu, il-Kap Nazzjonalista dejjem jgħid xi ħaġa li turi kemm mhux kredibbli.
Il-Partit Laburista żied jgħid li Grech mhux kredibbli għax mhux biss qal hekk wara li l-Prim Ministru spjega li se jkompli jgħin lin-negozji, iżda wkoll għax ftit tax-xhur ilu sejjaħ l-għajnuniet tal-Gvern bħala tberbiq ta’ flus.
Fl-intervista fuq l-istazzjon Nazzjonalista, Bernard Grech bħal donnu ried jgħid li għandna nċedu l-armi quddiem il-pandemija.
Il-Kap Nazzjonalista qal, “Huwa ċar illi ċeda l-armi u issa jaf li ma jistax jiġġildielha iktar.”
Grech qal hekk quddiem pandemija li laqtet lid-dinja kollha u li bħalissa hija maħkuma mill-varjant Omicron u f’Malta, aktar min-nofs il-popolazzjoni adulta ħadet il-booster biex ikompli jiġi miġġieled il-virus.
Quddiem l-intriċċi, ġlied, riżenji u rtirar bħal ma għamel Hermann Schiavone fil-jiem li għaddew, skont Bernard Grech huwa għandu partit magħqud.
Grech qal, “Imma llum in-nies qed tinduna, qed tinduna li fuq naħa hemm Oppożizzjoni serja, magħquda.”