Fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, il-President ta’ Malta George Vella u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima żaru l-uffiċini tal-Kummissjoni fil-Ħamrun.
Il-missjoni ta’ din l-Awtorità hija li trawwem l-iżvilupp u l-kisba tal-eċċellenza fl-edukazzjoni.
Waqt iż-żjara, il-President ta’ Malta George Vella qal li huwa importanti li l-pajjiż jinvesti fir-riżors uman u li l-edukazzjoni ta’ kwalità hija l-aqwa għodda niżviluppaw l-aħjar prattiċi li jrawmu komunità kompetenti.
Il-Ministru Clifton Grima rrikonoxxa x-xogħol li sar u qal li l-edukazzjoni tiżgura li s-settur tan-negozju ta’ Malta jattira professjonisti ta’ kwalità.
Il-Ministru Grima spjega, “Qed jiġi ċċelebrat anniversarju importanti ħafna ta’ awtorità li tagħmel xogħol kbir f’dak li huwa l-qasam edukattiv ġewwa pajjiżna. Għandek numri ta’ sferi li topera fihom din l-awtorità, ewlieni fosthom huwa r-rikonoxximent ta’ dawk li huma kwalifiċi tan-nies li jagħtu s-servizz tagħhom f’pajjiżna.”
Il-President Vella u l-Ministru Grima kienu milqugħa mill-Kap Eżekuttiv Rose Anne Cuschieri u ċ-Ċermen l-Imħallef Emeritus Dr Noel Cuschieri. Huma tennew li bħala ċelebrazzjoni ta’ dan l-anniversarju, l-Awtorità mhux biss qed tħares lejn dak li sar fil-passat, imma wkoll ’il quddiem lejn il-futur tas-soċjetà.
Rose Anne Cuschieri kompliet tispjega li matul din is-sena, l-Awtorità se tibda kalendarju ta’ attivitajiet biex tfakkar il-ħidma tul dan id-deċenju.
Cuschieri rrimarkat, “Għalina hija sena importanti ħafna, għandna ħafna attivitajiet preparati però l-importanti għalina hu li dejjem nersqu lejn edukazzjoni ta’ kwalità aktar, edukazzjoni ta’ avvanzata ogħla ta’ iktar kwalità.”