Is-sena 2021 tibqa’ mmarkata għall-bidliet b’saħħithom li saru f’pajjiżna. Bidliet ambizzjużi u ġieli anke wkoll kontroversjali, iżda riformi li għal darba oħra assiguraw li pajjiżna mhux qed jiċċekken quddiem l-ikbar sfidi iżda qiegħed jibdilhom f’opportunitajiet.
F’dan is-servizz ser inkunu qed nagħtu ħarsa lejn uħud mill-ikbar riformi li wettaq pajjiżna tul din is-sena.
Din is-sena rat il-proċess tad-divorzju f’pajjiżna jsir wieħed iżjed ġust u li jirrikonoxxi r-realtajiet tal-familji Maltin.
Permezz tal-emendi approvati u mressqa mill-Gvern, il-partijiet li jkunu diġà separati legalment, jiġifieri b’sentenza tal-Qorti jew b’kuntratt, m’għandu jkun hemm l-ebda perjodu ta’ żmien ta’ stennija sabiex persuna tkun tista’ tagħmel talba għad-divorzju.
Min-naħa l-oħra, fejn il-partijiet ikunu biss separati de facto, u t-talba għal divorzju ssir miż-żewġ partijiet flimkien, l-istess partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sitt xhur mis-sena preċedenti.
Fejn, iżda, it-talba ssir minn parti waħda kontra l-oħra, il-partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sena mis-sentejn preċedenti.
Għall-ewwel darba issa l-liġi tagħmel distinzjoni fil-perjodi ta’ żmien għat-tressiq ta’ talbiet għal divorzju li jsiru b’mod konġunt u dawk li jsiru b’mod unilaterali, minn persuni li mhumiex separati legalment.
Fl-1 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet tibqa’ mmarkata bħala l-jum fih daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 wara li din għaddiet mill-Parlament. Din il-liġi offriet soluzzjonijiet affordabbli b’qafas legali li jipproteġi kemm lis-sid iżda wkoll lill-inkwilin li joqgħod f’post b’kirja antika.
Il-qafas legali laħaq bilanċ permezz ta’ benefiċċju tal-kera li jista’ jlaħħaq l-€10,000 fis-sena. Dan filwaqt li għal inkwlini li jikkwalifikaw għall-protezzjoni, il-benefiċċju jassigura li min jaħdem ma jħallasx aktar minn 25% tad-dħul tiegħu fuq il-kera. Taħt il-liġi l-ġdida l-kirjiet qed ikunu stabbiliti minn bord apposta, sa tnejn fil-mija tal-valur liberu tal-propjetà.
Diskussjoni fuq livell nazzjonali fl-aħħar terz tas-sena wera wkoll uriet id-differenza bejn il-Gvern li jiddiskuti u jiddeċiedi u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li kontinwament għażlet li ma tiddeċidix. Diskussjoni li waslet biex pajjiżna jgħaddi liġi li rregolarizzat l-użu responsabbli tal-kannabis. B’hekk pajjiżna sar l-ewwel wieħed fl-Unjoni Ewropea b’liġi ta’ dan it-tip.
In-naħa tal-Gvern ivvutat kollha kemm hi favur din il-liġi li biha persuni li jikkonsmaw il-kannabis għal skop personali, u jinstab fuqhom sa seba’ grammi, ma ssirx prosekuzzjoni kontrihom.
Il-liġi ħarset ukoll li min jixtri l-kannabis jirrikorri għal swieq legali u żiedet il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.
Fuq din il-liġi l-Oppożizzjoni għamlet żmien bla pożizzjoni u meta ħareġ l-abbozz, Bernard Grech ried il-mertu u qal li l-Gvern ikkupjalu l-liġi.
Wara imbagħad kien kostrett iqatta’ biċċiet il-liġi għax dawk li poġġewh Kap hekk ġagħluh jagħmel.
Hekk kif f’din is-sena ż-żewġ partiti prinċipali mistennija jippreżentaw rwieħhom quddiem l-elettorat bl-aspirazzjoni li jmexxu lil pajjiż, żgur li dawn ir-riformi ser jawguraw tajjeb li jekk l-elettorat jerġa’ jagħti mandat b’saħħtu lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela, il-pajjiż iħares lejn terminu ieħor ta’ riformi u bidliet bżjonnjużi u kuraġġużi.
Dr Abela stqarr, “Pajjiż ġust f’kollox, fil-ġustizzja, fl-ekonomija, fl-ambjent, fil-ġustizzja soċjali. Din hija Malta tal-futur. Għalhekk l-istedina biex tingħaqdu miegħi, tingħaqdu magħna, tkunu intom l-istilel ta’ Tim Malta biex Inġeddu Malta flimkien.