Disa’ immigranti mill-Mali, li ilhom jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna għal dawn l-aħħar disa’ snin u li ma rnexxilhomx jiksbu l-ażil f’ pajjiżna, anżi mistennija jintbagħtu lura f’pajjiżhom fetħu każ kostituzzjonali kontra l-Gvern Malti għaliex qed jinżammu f’detenzjoni għal perjodu indefinit.
L-avukat tal-immigranti, li kienu eskortati fl-awla mill-Pulizija, spjega lill-Imħallef Lorraine Schembri Orland li mhemmx raġuni għaliex qed jinżammu taħt arrest għaliex ma joffrux theddida lill-ordni pubblika jew lis-sigurtà tal-poplu. Għalhekk stqarr li d-detenzjoni tagħhom kienet qed tikser il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
L-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali saħqet li l-proċess ta’ deportazzjoni tal-Maljani kienet kważi ffinaliżżata.
L-immigranti baqgħu siekta jisimgħu lill-avukati u lill-Imħallef jiddibattu u mistennija jkunu jafu humiex se jinħelsu sakemm jintbagħtu lura, fis-seduta li jmiss.