Darren Debono magħruf bħala t-‘Topo’ mistenni jitfa’ aktar dawl fuq il-każ tal-attentat ta’ hold-up fuq il-bank HSBC.
Dan wara li huwa ammetta l-involviment tiegħu u weħel għaxar snin u sitt xhur ħabs b’rabta mal-każ.
Meqjus pedina f’xibka ta’ kriminalità, it-‘Topo’ kien intlaqat fi sparaturi bejn il-ħallelin u l-pulizija fuq il-każ tal-attentat ta’ serqa fuq il-bank tal-HSBC f’Ħal Qormi.
Fil-fatt skont xhieda ta’ Melvin Theuma, il-‘middleman’ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Theuma kien kera appartament lil Debono għal €300 fix-xahar.
Saħaq li dakinhar tal-kunċert tal-Isle of MTV meta seħħ l-attentat ta’ hold-up, kien qed jiekol mal-familja meta rċieva telefonata mingħand Darren Debono.
“Mort l-appartment. Kif tidħol, fuq ix-xellug hemm kamra tas-sodda. Sibt lil Darren Debono fuq is-sodda, bil-qalziet ta’ taħt u bid-demm ħiereġ minn siequ. Qaluli li l-Pulizija kienu sparawlu,” Theuma xehed quddiem il-Maġistrat Monica Vella fil-kumpilazzjoni tal-każ.
Theuma xehed li Vince Muscat il-‘Koħħu’ kien talab lil Theuma biex jgħinhom ħalli Debono jiddewwa.
Issa t-‘Topo’ mistenni jixhed fi proċess ta’ kumpilazzjoni li se jerġa’ jinfetaħ fuq il-każ tal-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC f’Ġunju tal-2010.
B’rabta mal-każ hemm akkużati Vince Muscat il-‘Koħħu’ u Fabio Psaila.
Huma kellhom jibdew għaddejjin ġuri l-Ħamis iżda l-Imħallef Giovanni Grixti ppospona l-ġuri sine die, wara l-ammissjoni tat-‘Topo’.