F’Lulju li għadda żdied in-numru ta’ persuni jaħdmu full-time b’tlieta punt tnejn fil-mja (3.2%) meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa l-Ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li fuq perjodu ta’ sena, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol kien ilaħħaq il-mitejn wieħed u erbgħin elf, tliet mija u ħamsa u disgħin (241,395).
Dan ifisser żieda ta’ tnejn punt tnejn fil-mija (2.2%).
Din iċ-ċifra hija riżultat żieda ta’ sebat elef ħames mija u tlieta u erbgħin (7,543) impjieg full-time, filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ elfejn u erba’ mija u disgħa u tletin (2,439) f’dawk li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol sa Lulju li għadda.
L-istess ċifri tal-NSO juru wkoll li l-impjiegi full-time fis-settur privat żdiedu b’aktar minn sitt elef (6,000) ħaddiem għal kważi mija u disgħa u tmenin elf (189,000).
Joħroġ ukoll li persuni li jaħdmu għal rashom b’xogħol full-time żdiedu b’elf mitejn u disgħa (1,209) persuni meta mqabbel ma’ Lulju tal-elfejn u għoxrin (2020) , filwaqt li n-numru ta’ persuni rreġistrati bħala ħaddiema żdiedu b’sitt elef u tliet mija u erbgħa u tletin (6,334) .
Iċ-ċifri juru wkoll li l-impjieg full-time fis-settur pubbliku żdiedu b’elf ħames mija u ħmistax (1,515) għal wieħed u ħamsin elf, mija u sebgħa u tmenin (51,187).
Iċ-ċifri pprovduti mill-aġenzija tax-xogħol Jobs Plus juru li sal-aħħar ta’ Lulju l-ħaddiema b’impjiegi part-time bħala xogħol primarju tagħhom żdiedu b’sitta punt sitta fil-mija (6.6%) għal kważi ħamsa u tletin elf (35,000) meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel waqt li l-part-timers li għandhom ukoll impjieg full-time żdiedu b’ aktar minn tlettax fil-mija (13%) fi żmien sena biex laħqu kważi sitta u tlettin elf ħaddiem (36,000).
L-istatistika turi li l-impjiegi part-time reġistrati f’Lulju tas-sena li għaddiet żdiedu b’disgħa punt disgħa fil-mija (9.9%) meta mqabbla mal-istess xahar fl-elfejn u għoxrin.
L-ogħla żieda ġiet irreġistrata f’xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ xogħolijiet marbuta max-xjenza u t-teknoloġija segwiti minn xogħlijiet ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel b’żieda ta’ tmien mija u sitta u tletin u sitt mija u disgħin rispettivament.